Permezz ta’ fond ta’ iżjed minn mitt elf ewro, amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, l-Għaqda Fondazzjoni Wens se tkun tista’ ttaffi l-ispejjeż marbuta mal-pagi tal-ħaddiema tagħha fost oħrajn.
Dan il-fond se jikkumpensa wkoll għan-nuqqas ta’ donazzjonijiet li din l-organizzazzjoni, li taħdem mal-persuni b’diżabilità, irċeviet minħabba l-pandemija.
L-Amministratur ta’ Fondazzjoni Wens qal li din l-għajnuna li ngħatat, se tassigura li r-residenti kollha ta’ din id-dar jgħixu f’ambjent li huwa sigur u jipproteġilhom saħħithom.
Qal, “Din l-għajnuna kienet neċessarja minħabba l-problemi li għaddejna minnhom fi żmien il-Covid. L-għajnuna li ħadna kienet ‘il fuq minn mitt elf ewro li ovvjament servew ta’ għajnuna biex nkomplu għaddejjin bil-programmi tagħna”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Settur tal-Volontarjat, Clifton Grima qal li dan il-fond huwa parti minn skema li kienet imħabbra f’Ġunju tas-sena l-oħra bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.
Żied jgħid li din l-iskema tifforma parti minn investiment ta’ ħames miljun ewro fis-settur tal-volontarjat. L-ikbar investiment li qatt sar f’dan il-qasam.
Spjega, “U allura hija xi ħaġa li tqawwilek qalbek għall-ħidma li qegħdin nagħmlu bħala gvern sabiex propju nkunu ta’ spalla għal dawn l-għaqdiet volontarji fejn permezz tal-għajnuna li qegħdin noħorġu b’diversi skemi li qegħdin noħorġu din il-fondazzjoni bbenefikat minn aktar minn mitt elf ewro.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo qal li dan il-fond qed ikompli jsaħħaħ l-operat tas-settur tal-volontarjat.