Intraprendituri u riċerkaturi jistgħu jibbenefikaw minn €25,000 biex jiżviluppaw l-ideat innovattivi tagħhom permezz ta’ fond li tnieda llum mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Investiment Silvio Schembri.
B’kollox il-Gvern se jagħti mitt elf ewro f’dan il-fond miftuħ għar-riċerkaturi u l-intraprendituri li wkoll jistgħu jkomplu jagħtu s-sehem tagħhom fl-iżvilupp ta’ pajjiżna waqt l-imxija tal-Coronavirus.
Dan il-fond li qed jerġa’ jistimula l-innovazzjoni għas-sitt darba huwa inizzjattiva bejn il-Gvern, l-Università u anki inkubatur għall-intraprenditorjat u n-negozju.
Dan il-fond huwa magħruf bħala TAKEOFF Seed Fund.
Il-Ministru Schembri qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji li qed ngħixu fihom neħtieġu aktar minn qatt qabel l-innovazzjoni u l-ideat rivoluzzjonarji tal-intraprendituri.
“Aħna ma stennejniex li tiġi fuqna din il-pandemija biex nagħrfu l-importanza tal-innovazzjoni li hija għodda importanti biex pajjiżna jkompli jiżviluppa anki ekonomikament”, saħaq il-Ministru Silvio Schembri.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella saħaq li f’dawn l-aħħar seba’ snin rajna ffinanzjar pożittiv favur l-innovazzjoni.
Huwa qal li jħares ‘il quddiem biex jara x’proposti deħlin mir-riċerkaturi u l-intraprendituri.
Dawk kollha interessati jistgħu jirċievu gwida dwar l-applikazzjoni u aktar dettalji jinsabu fuq takeoff.org.mt