Ftehim bejn il-Gvern, l-Għaqda Każini tal-Banda u l-Għaqda Piroteknika Maltija, se jissarraf f’għajnuna finanzjarja għall-organizzaturi tal-festi Maltin u Għawdxin.
Permezz ta’ dan il-ftehim, fil-ġimgħa tal-festa u jiem oħra tradizzjonalment marbuta mal-festa, l-organizzaturi mhux se jħallsu għall-iskorti tan-nar.
Il-ftehim, b’valur ta’ mitt elf ewro fis-sena li se japplika għat-tliet snin li ġejjin, jaħseb għal massimu ta’ tmien darbiet meta jkun hemm bżonn skorta u se jitħaddem mill-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-organizzaturi.
Il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda qal li b’dan il-ftehim, il-piroteknika qed tingħata r-rikonoxximent mistħoqq.
Qal kif, “Il-fatt li din l-iskema se tgħin biex l-iskorti tal-piroteknika jiġu mħallsa mill-Gvern diġà hija għajnuna kbira biex is-soċjetajiet jistgħu jaffrontaw dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli li għaddejjin bħalissa minħabba l-pandemija.”
Il-President tal-Għaqda Pirotenika Maltija nnota li l-festi kollha se jkollhom l-iskorti b’xejn, u min ma jużahomx għall-festa jista’ jużahom għall-Festi Liturġiċi.
Qal, “Ħa jiggwadanjaw mhux il-kmamar tan-nar biss b’dan il-ftehim li għamilna, ħa jiggwadanjaw il-festi kollha ta’ Malta u Għawdex.”
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li bħalma l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment kien kruċjali f’oqsma bħas-saħħa u l-ambjent, inizjattiva bħal din li qed tappoġġja Komunità Malta, ukoll hija importanti.
Spjega, “Fil-ġranet li għaddew, kienu diversi esperti fil-qasam tal-festi b’mod partikolari tal-piroteknika li ġibdulna l-attenzjoni għal ċertu spejjeż li possibilment kienu ser jiżdiedu marbuta mas-sigurtà li jridu jipprovdu meta jkunu qed iġorru n-nar tagħhom mill-kmamar għall-post tal-ħruq.”
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fakkar fil-ħidma li saret biex tranġaw is-sistemi tal-extra duty fil-Korp tal-Pulizija biex il-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet aħjar.
Qal kif, “Bħala Ministeru tal-Intern ħsibna li nkomplu nħarsu l-festi u t-tradizzjonijiet tan-nar u dan billi nagħtu għajnuna fejn jidħlu l-iskorti li jagħmlu l-Korp tal-Pulizija.”