Intraprendituri u riċerkaturi jistgħu jibbenefikaw minn €25,000 kull wieħed biex jiżviluppaw l-ideat innovattivi tagħhom permezz ta’ fond li tnieda mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Investiment Silvio Schembri.
B’kollox il-Gvern se jagħti €100,000 f’dan il-fond miftuħ għar-riċerkaturi u l-intraprendituri li wkoll jistgħu jkomplu jagħtu s-sehem tagħhom fl-iżvilupp ta’ pajjiżna waqt l-imxija tal-Coronavirus.
Dan il-fond, li qed jerġa’ jistimula l-innovazzjoni għas-sitt darba huwa inizzjattiva bejn il-Gvern, l-Università u anki inkubatur għall-intraprenditorjat u n-negozju.
Dan il-fond huwa magħruf bħala TAKEOFF Seed Fund u jgħid biex idea ma tibqax fuq il-karta iżda ssir realtà.
Il-Ministru Schembri qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji li qed ngħixu fihom neħtieġu aktar minn qatt qabel l-innovazzjoni u l-ideat rivoluzzjonarji tal-intraprendituri.
Huwa sostna: “U minn hemm hekk ħarġu ħafna ideat innovattivi li llum il-ġurnata qegħdin jissarrfu f’attività kummerċjali b’saħħitha. Illum fi sfond ta’ sfida ta’ COVID-19 dan it-tip ta’ metodu huwa iktar relevanti.”
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella saħaq li f’dawn l-aħħar seba’ snin rajna ffinanzjar pożittiv favur l-innovazzjoni.
Huwa qal li jħares ‘il quddiem biex jara x’proposti deħlin mir-riċerkaturi u l-intraprendituri: “L-ekonomija f’dan is-sens, għaliex inti meta qed tpoġġi fuq is-suq riċerka u potenzjalment prodotti u proċessi illi huma ġodda u illi huma interessanti il-għaliex jagħmlu sens anki finanzjarjament qed tgħin lis-soċjetà inġenerali Maltija.”
Dawk kollha interessati jistgħu jirċievu gwida dwar l-applikazzjoni u aktar dettalji jinsabu fuq takeoff.org.mt