Il-Qorti ordnat li Christopher Mazzitelli jingħata kumpens t’għaxart elef ewro f’danni morali wara diversi żbalji mressqa mill-Prosekuzzjoni fuq każ ta’ traffikar tad-droga li mbagħad inbidel għal pussess tad-droga kannabis.
L-Imħallef Toni Abela sema’ kif Mazzitelli kien jaħdem f’garaxx bħala mekkanik wara li weġġa’ u ma setax jibqa’ bil-karriera tiegħu tal-futbol.
F’dan il-garaxx, il-pulizija kienet infurmata li qed issir xi attività llegali u waqt rejd li sar fl-2004, Mazzittelli u persuni oħrajn ġew arrestati fuq suspettat każ ta’ traffikar tad-droga.
Mazzittelli ammetta li huwa ġieli pejjep il-ħaxixa iżda ċaħad li mess mad-droga kokaina jew eroina.
Mazzittelli għamel għoxrin jum arrestat u anki spiċċa nżamm arrestat f’daru għal aktar minn ħames xhur.
Sussegwentament kellu kundizzjonijiet oħra imposti fuqhom, fosthom li bil-lejl irid ikun f’daru.
Tlettax-il sena wara li ġie arrestat fuq dan il-każ, il-Prosekuzzjoni qalet li Mazzitelli ma kienx il-persuna ewlenija li qed jittraffika d-droga.
Finalment, Mazzitelli nħeles minn kull akkuża ta’ traffikar tad-droga u weħel biss multa ta’ mitt ewro fuq pussess ta’ kannabis.
Ir-raġel aċċetta din is-sentenza imma mbagħad fetaħ każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn ilmenta li nkisirlu d-dritt tiegħu għall-ġustizzja fi żmien xieraq.
L-Imħallef Toni Abela laqa’ l-argument ta’ Mazzitelli u nnota kif seħħ dewmien esaġerat minħabba l-Prosekuzzjoni u anki l-Maġistrat li ppreseda l-kumpilazzjoni tal-każ.
“Id-dewmien wasal riżultat tal-Avukat Ġenerali li ma kkordinax lanqas mal-pulizija f’dan il-każ”, saħaq l-Imħallef Toni Abela fuq każ li dam ħmistax-il sena biex jinqata’.