It-Tnejn filgħodu, waqt id-diskussjoni dwar l-estimi tal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol fil-Parlament, il-Ministru Clyde Caruana, żvela dokumenti li jixhdu li klawsoli fi ftehimiet kollettivi li ġew iffirmati fi żmien amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, qed jiswew lill-Air Malta miljuni ta’ ewro fis-sena u ġabu lil-linja nazzjonali tal-ajru fl-istat li hi fih illum.
Huwa ċċara li kien taħt il-gvernijiet Nazzjonalisti li ġew iffirmati ftehimiet kollettivi dwar l-iskemi tal-irtirar kmieni, bi klawsoli li qed jiswew lil-linja tal-ajru erba’ miljun ewro kull sena.
Huwa poġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopji ta’ dawn il-ftehimiet kollettivi, li ġew iffirmati fl-elfejn u tnax.
“Dawn il-klawsoli m’huma xejn ħlief li xi ħadd jirtira ta’ ħamsa u ħamsin sena, u sa ħamsa u sittin ikompli jieħu żewġ terzi tal-paga talli ma tmurx ix-xogħol. Ara min, ara min fid-dinja, għandu xi klawsola bħal din.”
Il-Ministru Caruana tkellem dwar ftehimiet oħra li saru mal-bdoti, li komplew jitfgħu sfidi kbar fuq l-Air Malta.
“Il-pagi tal-piloti, minn xi għaxar skali ġew mgħaffġa f’ħamsa, ġew kompressi f’ħamsa, u għalhekk illum l-airline għandha ċerti diffikultajiet għaliex il-mod ta’ kif saru l-affarijiet, meta jibdew jakkumulaw, ikollhom piż finanzjarju kbir.”
Il-Ministru qal li, biex jiġu onorati l-ftehimiet li ġew iffirmati mill-gvernijiet Nazzjonalisti, b’kollox il-Gvern se jkollu jħallas mitt miljun ewro mit-taxxi tal-poplu.