Fil-Baġit għas-sena d-dieħla, l-Gvern ser jinvesti total ta’ mitt miljun ewro fi proġetti u inizjattivi ambjentali. Dan ħabbru l-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri mħabbra fil-baġit għas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Herrera semma ż-żieda ta’ mitejn elf ewro għal miljun u mitt elf wro fl-allokazzjoni ta’ fondi b’rabta ma’ proġetti ta’ afforestazzjoni. Qal li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ser tgawdi wkoll minn żieda ta’ tlett miljun u erba mitt elf ewro oħra, biex issa dan l-organu importanti fl-aspett ta’ infurzar ser igawdi minn total ta’ tnax-il miljun ewro.
Dwar l-iskema tal-ġbir tal-iskart organiku mill-ibliet u l-irħula kollha Maltin, il-Ministru Herrera qal li f’jumejn inġabru aktar minn mitejn u ħamsin tunnellata.
Dr Herrera żied li l-baġit ser ikompli jinvesti fl-impjant tal-WASTESERVE bi tnedija ta’ proċess li se jwassal għal bini ta’ faċilità għall-irkupru tal-materjali f’Ħal Far.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ħabbar li f’dan il-baġit se titwettaq il-wegħda tal-benefiċċju għal min jadotta annimali domestiku li għaliha l-Gvern alloka mitt elf ewro.
Il-Perit Camilleri qal li l-Gvern se jagħti għotja ta’ mija u ħamsin ewro lil kull individwu li jadotta kelb jew qattus minn organizzazzjoni mhux governattiva. Apparti minn hekk, il-Gvern ser jalloka mija u għoxrin elf ewro oġra sabiex jiftwaqqaf fond għall-annimali. Permezz ta’ din il-miżura, il-Kunsilli Lokali ser jiħu mgħejjuna jwaqqfu dog parks u cat cafes fost oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-ħarsien tal-annimali hu ta’ priorità għall-Gvern tant li reġa’ alloka ħamsa u tmenin elf ewro oħra fil-fond dwar il-ħarsien tal-annimali.