Adrian Delia reġa’ kien żbaljat. Din id-darba dwar is-sehem ta’ ħaddiema barranin. Analisti ekonomiċi li ntalbu jikkummentaw dwar is-sehem ta’ ħaddiema barranin spjegaw kif fl-2016 l-ammont ta’ ħaddiema barranin kien ta’ 36,138. Skont tagħrif li ta l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fl-istess sena dawn ħallsu €101,000,000 f’taxxa tad-dħul. Dan ifisser li ras għal ras il-ħaddiema barranin ħallsu €2,786 f’income tax. Biex persuna tħallas dan l-ammont f’income tax trid tkun taqla’ €21,500 paga. Skont il-Labour Force Survey tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-paga medja fl-2016 kienet ta’ €17,666.
Dan ifisser li kontra dak li qed isostni Adrian Delia jidher li l-ħaddiema barranin jaqilgħu pagi li jaqbżu sewwa l-paga medja f’pajjiżna. Adrian Delia sostna li l-ħaddiema barranin li hawn f’pajjiżna “jaqilgħu bilkemm, ma jonfqu xejn minn dak li jaqilgħu Malta, joqogħdu biss 18-il xahar.” Sostna wkoll “dan mhux qed nivvintah jien…hija statistika on the ground kif ukoll uffiċjali u dak kollu li jaqilgħu hawn jibagħtuh lura pajjiżhom.”
Dan mhuwiex sorprendenti meta wieħed iqis li l-istatistika tal-Jobsplus tindika li wieħed minn kull tliet ħaddiema mill-Unjoni Ewropea li hawn jaħdmu Malta huma managers jew professjonisti. L-istess statistika uffiċjali tindika li wieħed minn kull tliet Ewropej li qed jaħdmu Malta qiegħed fis-settur finanzjarju, fil-gaming jew fis-servizzi professjonali, li kollha huma oqsma li jħallsu pagi tajbin. L-istess proporzjonijiet wieħed isibhom ukoll għall-ħaddiema barranin li mhumiex Ewropej.
Dan ifisser, sostnew l-analisti ekonomiċi li tkellmu magħna, li filwaqt li mkien ma teżisti xi statistika uffiċjali li turi dak li sostna Adrian Delia l-fatti juru mod ieħor.
Studju ppubblikat fil-Quarterly Review tal-Bank Ċentrali f’Ġunju tal-2016 kien stima li l-influss ta’ ħaddiema barranin kien żied it-tkabbir potenzjali tal-ekonomija Maltija b’0.6 punti perċentwali kull sena bejn l-2011 u l-2014. Dan l-istudju kien wera wkoll li l-ħaddiema barranin kienu qed jiġġeneraw kważi 10% tad-dħul kollu tal-Gvern minn income tax u bolla. Biex wieħed jifhem l-importanza ta’ dan il-kontribut lejn il-kaxxa ta’ Malta biżżejjed wieħed jinnota li l-ammont ta’ income tax u bolla li ħallsu l-ħaddiema barranin fl-2016 kien biżżejjed biex ikopri €2 minn kull €3 li l-Gvern nefaq f’dik is-sena fuq proġetti kapitali, inkluż bini ta’ skejjel, toroq u sptarijiet.
Filwaqt li teżisti statistika uffiċjali fuq kemm iħallsu taxxi u bolla l-ħaddiema barranin, ma jeżistix studju ta’ kemm dawn jonfqu f’pajjiżna fuq oġġetti u servizzi. Imma jekk wieħed jara l-aħħar Household Budgetary Survey, min jaqla’ bħala medja l-ammont ta’ paga li jaqilgħu l-ħaddiema barranin, jispiċċa jonfoq xi 82% tad-dħul tiegħu.
Li jfisser li fl-2016 il-ħaddiema barranin kapaċi nefqu mas-€640 miljun fuq oġġetti u servizzi. Dan huwa ugwali għal €1 minn kull €10 minfuqa mill-konsum totali f’pajjiżna, inkluż l-ispiża tat-turisti.
Dħul fix-xahar
Delia qal ukoll li hawn ħafna ħaddiema fuq €700 jew €800 fix-xahar.
Il-fatt hu wieħed. Fuq €700 fix-xahar ma tistax tkun sakemm ma tkunx part-timer jew taħdem bla ktieb, għax dan jiġi anqas mill-minimum wage.
Imbagħad l-ammont ta’ persuni fuq €800 fix-xahar skont il-Eurostat huwa 5% ta’ dawk li jaħdmu. L-ideali jinżel għal xejn. Iżda, li jiġi Delia u jgħid li hu ħafna jkun qed jerġa’ jkompli mat-tradizzjoni ta’ żbalji ekonomiċi.