B’investiment ta’ għaxar miljun ewro, il-Gvern nieda l-Iskema ta’ Sussidju Temporanju għall-Istabilizzazzjoni tal-Prezzijiet sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel lokali u jimmitiga ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel.
Din l-iskema se tkun qed tapplika għall-importazzjoni taċ-ċereali u d-dqiq kif ukoll għall-għalf għas-setturi tat-trobbija tal-bhejjem intiżi għas-suq lokali.
Din l-għajnuna qed tingħata fid-dawl tal-kunflitt fl-Ukrajna, li impatta b’mod negattiv is-sigurtà tal-ikel b’mod globali. Kemm l-Ukrajna kif ukoll ir-Russja huma fost l-aktar pajjiżi importanti fid-dinja għall-provvista tal-qmuħ u tal-prodotti agrikoli.
Min-naħa l-oħra, dawn iż-żewġ pajjiżi huma wkoll atturi prinċipali fis-suq dinji taċ-ċereali u ż-żrieragħ taż-żejt. Fil-fatt, l-Ukrajna tirrapreżenta ħdax fil-mija tas-suq dinji tal-qamħ, filwaqt li r-Russja tirrappreżenta għoxrin fil-mija.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, spjega kif, għal darb’oħra, il-Gvern Malti qed ikun ta’ spalla għall-Maltin u l-Għawdxin.
Qal, “Il-Gvern Malti ra li, kemm jista’ jkun malajr, ikun minn ta’ quddiem nett biex jilħaq ftehim u jiżgura l-ħażna neċessarja tal-qamħ u l-ġwież f’pajjiżna, kif ukoll naraw li l-prezzijiet tal-ikel bażiku bħall-ħobż u prodotti agrikoli jiġu stabbilizzati. Għaldaqstant, ħriġna skema oħra, il-Price Stabilisation Fund, fejn il-Gvern, minn Fondi Nazzjonali, se joħroġ mhux inqas minn għaxar miljun ewro sabiex jassigura li l-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi u għalf tal-annimali jiġu stabbilizzati.”
Intant, fil-jiem li ġejjin se jagħlqu l-applikazzjonijiet b’rabta mal-allokazzjoni ta’ kważi erba’ miljun u nofs ewro f’għajnuna lill-bdiewa u lir-raħħala Maltin u Għawdxin. B’hekk, fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern jibda jagħti l-pagamenti u jtaffi mill-piż tal-bdiewa u raħħala, kemm minħabba l-pandemija kif ukoll minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna.