Għaxar miljun ewro ġew allokati f’għajnuna finanzjarja lill-intrapriżi kollha lokali li jridu jinvestu fit-taħriġ tal-ħaddiema tagħhom. Dan permezz tat-tiġdid tal-iskema ‘Investing in Skills’, imħaddma minn Jobsplus u ko-finanzjata minn fondi Ewropej, li taħseb biex tiżviluppa l-ħiliet ta’ dawk li diġà huma fid-dinja tax-xogħol biex jiksbu ħiliet ġodda li jkunu aktar addattati għal ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.
Dettalji dwar it-tiġdid tal-iskema ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus, Leonid Mckay.
Qal, “Investing in Skills ix-xogħol tagħha huwa li tkopri billi tagħti għajnuna finanzjarji diretta lil min qed iħaddem biex ikopri l-paga ta’ min jitħarreġ, biex ikopri t-taħriġ innifsu u kif ukoll spejjeż indiretti amministrattivi li jkunu qed ikopru.”
Sadanittant, l-iskema taħseb ukoll għal sussidju ogħla fuq ir-rata ta’ siegħa xogħol tas-salarju ta’ ħaddiem li jkun qed jitħarreġ. Din se tkun marbuta mar-rata medja tas-salarji u mhux mal-paga minima nazzjonali.
L-assistenza se tingħata skont id-daqs tal-intrapriża, b’kumpaniji kbar jingħataw 50% tar-rata, dawk medji 60% u ż-żgħar 70%.
Fl-iskema ta’ qabel kienu ġew investiti aktar minn €7.6 miljun f’taħriġ li minnu gawdew 1,200 intrapriża ta’ kull daqs.
B’kollox tħarrġu ’l fuq minn 22,000 ħaddiem f’aktar minn 45,000 esperjenza ta’ taħriġ.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li l-iskema, li minnha jgawdu kemm il-ħaddiema kif ukoll min iħaddem, tnebbħet mill-politika tal-Gvern li tinċentiva lil min iħaddem biex jinvesti u joħloq kwalità ta’ xogħol aħjar, għax ħadd ħlief min iħaddem m’għandu l-aqwa għarfien dwar il-ħiliet li għandhom bżonn l-impjegati tiegħu.
Qal, “B’dan il-mod verament inkunu qed nassiguraw li jkollna l-ħaddiema li hemm bżonn ġewwa pajjiżna però wkoll li jkollna ħaddiema li jtejbu l-kundizzjonijiet tagħhom u d-drittijiet tagħhom fil-kumpaniji Maltin u Għawdxin.”