B’investiment ta’ għaxar miljun ewro wasal fi stadju avvanzat ix-xogħol li għaddej fuq il-Mediterranean College of Sport fl-Imrieħel, Birkirkara.
Din l-iskola privata, li se tkun qed tiftaħ b’mod sħiħ il-bibien tagħha f’Settembru tal-2024, qed toffri lill-istudenti karriera kemm fl-isport kif ukoll fl-aspett edukattiv. Dan qed isir b’faċilitajiet sportivi tal-aqwa kwalità li se jkunu mdawrin mal-iskola kollha.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima, flimkien mal-istakeholders, żar dan il-proġett, waqt li ngħata tagħrif dwar ix-xogħol li qiegħed isir.
Il-proġett jinkludi il-ħolqien ta’ spazji ġodda fejn kull student jista’ jipprattika l-isport li jixtieq hu, fosthom gym, trakka għall-atleti, studios għaż-żfin, pixxina u ħafna aktar.
Pio Vassallo, il-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Group, spjega ma’ ONE News kif qed jipprovaw jagħmlu kollox biex l-istudenti li jirfsu f’din l-iskola jkollhom ambjent edukattiv mill-aqwa.
“L-iskola se tkun qed toffri edukazzjoni Sekondarja u anke Sixth Form, jiġifieri l-istudent li se jidħol f’din l-iskola se jkun ikompli l-istudji tiegħu fis-Sixth Form, li hi l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta. Se jkollu pixxina fil-kumpless, 11-a-side football pitch, diversi pitches oħrajn iżgħar u kumpless sport science centre, li hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta.”
Il-Ministru Grima tenna li, biex nibqgħu noffru l-aqwa edukazzjoni lill-istudenti kollha f’pajjiżna, irridu nibqgħu ninvestu f’dan is-settur, issa anke bis-settur privat qed jagħmel ħiltu biex il-viżjoni edukattiva tkompli miexja ’l quddiem.
“Kemm hu importanti li nibqgħu naħdmu id f’id ma’ diversi stakeholders tas-settur. F’dan il-każ għandek is-settur privat li qed jaħdem. Anke qed jaħdem mas-settur edukattiv u allura qegħdin nagħtu dejjem aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna li jridu karriera, kemm fl-isport kif ukoll dak li hu l-aspett akkademiku. Għalhekk hu kruċjali li, bħala pajjiż, nagħmlu r-riżorsi kollha tagħna għad-dispożizzjoni tal-istudenti tagħna, tal-edukaturi tagħna u b’hekk inkunu qegħdin inħarsu lejn dik li hi l-viżjoni ta’ pajjiżna, anke fil-qasam sportiv u edukattiv.”