Il-Biċċerija Pubblika fil-Marsa ntefħet għall-ewwel darba għall-pubbliku f’mija u għoxrin sena waqt inawgurazzjoni tal-Festa tal-Majjal.
Din l-attività qed tagħmel parti mill-inizjattivi mtella’ fl-okkażjoni li l-Marsa ġiet magħżula bħala l-Belt Kapitali tal-Kultura li qed tiċċelebra il-wirt kulturali u l-komunità tal-Marsa.
Fi żjara li għamel il-Ministru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo fejn fakkar kif il-ftuħ tal-Biċċerija Pubblika huwa frott ta’ investiment li laħħaq l-għaxar miljun ewro fuq medda ta’ għaxar snin.
B’hekk illum il-biċċerija qed tgawdi minn ristrutturar sotanzjali fl-impjant, fin-nies u fil-kwalità tal-iġene li lkoll jgħollu l-livell tal-produzzjoni agrikola lokali.
Il-Ministru Refalo qal kif il-majjal ta’ Malta li huwa prodott tradizzjonali li jmur lura mijiet tas-snin jammonta għal tmenin fil-mija tal-produzzjoni ta’ laħam mill-Biċċerija Pubblika.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Segreatrju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli li tenniet kif attivitajiet bħall-Festa tal-Majjal juru l-ġawhar moħbija ta’ pajjiżna bħal ma kienet il-Biċċerija Pubblika.
Permezz tal-ftuħ tal-biċċerija, il-pubbliku jista’ jgawdi r-restawr li sar tat-torri storiku tal-ilma li jinsab fl-istess impjant.