B’investiment li jlaħħaq l-għaxar miljun ewro, dik li għal snin twal kienet distillerija f’Ħondoq ir-Rummien se tkun trasformata f’Reverse Osmosis ġdida li se ttejjeb darba għal dejjem il-kwalità tal-ilma għall-Għawdxin.
Dan il-proġett ambizzjuż li se jibda jiffiltra mad-disat elef metru kubu ta’ ilma kuljum, jinsab fil-fażi tas-sejħa għat-tenders li fetħet il-Ħadd u tibqa’ miftuħa għal xagħrejn sħaħ.
F’intervista telefonika ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Water Services Corporation, is-Sur Richard Bilocca stqarr li dan il-proġett hu wieħed pożittiv għal diversi fatturi.
Is-Sur Bilocca spjega kif dan il-proġett qed jinħadem bl-aqwa teknoloġiji disponibbli biex ikollu effiċjenza ta’ enerġija massima u jkun savagwardjat l-ambjent tal-madwar.
Dan il-proġett hu ħolqa f’katina ta’ proġetti ambizzjużi li qed twettaq il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fosthom dak ta’ “New Water” f’Malta u Għawdex li huwa parti minn proġett b’investiment multimiljunarju li se jara t-tisqif u bini ta’ strutturi ma’ għadd ta’ ġibjuni madwar pajjiżna.