Anzjana li Net Television uża biex jipprova jagħti l-impressjoni li l-Awtorità tad-Djar ma tatx l-assistenza tagħha f’mument ta’ bżonn kienet megħjuna diversi drabi mill-istess Awtorità u l-aħħar diżgwid inqala’ fuq tariffa amministrattiva ta’ €10.
Kienet il-gazzetta KullĦadd li rrapportat li talbet l-ispjegazzjoni tal-Ministeru għall-Politika Soċjali dwar għaliex anzjana qalulha “biex tibqa’ mingħajr dawl”. Dan wara rapport ta’ Net Television f’dan is-sens. Iżda, l-verżjoni tal-Ministeru għall-Politika Soċjali sostnuta minn dokumenti uffiċjali u saħansitra xhieda turi realtà differenti ħafna.
Il-post spazjuż li fih tgħix Mary Knight kien allokat lilha madwar tliet snin ilu u għalih tħallas kera ta’ madwar €400 fis-sena. Fl-aħħar ġimgħat hi marret l-Awtorità tad-Djar tilmenta li ma kelliex dawl f’parti tal-appartament u għalhekk kellha bżonn perit. Jirriżulta li biex jintbagħat perit tal-Awtorità persuna trid tapplika taħt waħda mill-iskemi li għandha l-istess Awtorità.
“Ta’ min jgħid li s-Sinjura Mary Knight (l-anzjana) qatt ma lmentat dwar l-elettriku fl-imgħoddi u ta’ min ikun ċar li t-tiswijiet mill-bieb il-ġewwa huma responsabbiltà ta’ min qed jikri u mhux tal-Awtorità tad-Djar,” kienet kwotata tgħid mill-KullĦadd tweġiba uffiċjali. Minkejja dan jirriżulta li l-Awtorità tad-Djar xorta offriet l-għajnuna lill-anzjana permezz ta’ skema magħrufa bħala ADP.
Iżda, jirriżulta li meta ntalbet tapplika u bħala parti mill-applikazzjoni titħallas tariffa ta’ €10 hija rrifjutat li tagħmel dan u eventwalment marret fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista. Xi ħaġa li heddet li kienet se tagħmel minnufih.
B’dawn tal-aħħar ixandru l-aħbar mingħajr ma vverifikaw il-fatti b’mod uffiċjali. Il-Ministeru għas-Sigurtà Soċjali offra wkoll iktar tagħrif dwar dan il-każ li jpoġġi f’kuntest dak li xxandar fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Iktar minn hekk jirriżulta li meta fi żmien din l-amministrazzjoni l-mara kellha bżonn għajnuna oħra, l-Awtorità tad-Djar wieġbet b’xogħlijiet importanti. Fosthom permezz ta’ bdil ta’ kamra tal-banju f’April 2013. Saħansitra, f’Jannar tas-sena li għaddiet sarulha aċċessorji oħra, filwaqt li kien hemm skedati tiswijiet oħra li l-anzjana mbagħad irrifjutat li jsiru.