Aktar kunsilli lokali se jkunu qed igawdu minn flus miġburin minn taħrikiet tal-LESA b’investiment ta’ tliet miljun ewro ieħor li ddaħħlu fil-fond apposta li minnu qed jiġu ffinanzjati diversi proġetti fil-komunità.
F’konferenza tal-aħbarijiet fi Ġnien l-Istazzjon f’Birkirkara l-Ħamis filgħodu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Impjiegi, Byron Camilleri, ħabbar 32 proġett ġdid li se jgawdu minn dan il-finanzjament addizzjonali.
“Qed ninvestu b’mod dirett fil-komunitajiet tagħna bi sħab mal-kunsilli lokali b’diversi proġetti, kemm dawk marbutin mas-sigurtà tal-lokalità, kemm dawk biex intejbu l-ambjent, ġonna u spazji fejn jieħdu pjaċir it-tfal, għal proġetti oħrajn marbutin ma’ trasport nadif li, permezz tiegħu, ikunu jistgħu jwasslu persuni anzjani sew jekk hux għall-poliklinika jew xi day centre fil-lokalità. Diversi proġetti li issa li tajna commitment lil dawn il-kunsilli, wara li huma applikaw u resqu ’l quddiem biex iwettquhom fil-komunitajiet tagħhom, issa se jkunu implimentati minn dawn il-kunsilli u allura jtejbu il-kwalità tal-ħajja fil-komunità li huma jaħdmu fiha.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores, spjega kif, f’din l-aħħar sejħa, resqu aktar kunsilli bil-proġetti tagħhom, tant li l-bord indipendenti, li jevalwa tali proposti, għażel 32 inizjattiva.
Fost il-proġetti li ġew approvati hemm dawk ta’ riġenerezzjoni ta’ spazji miftuħa, investiment fix-xiri ta’ vetturi elettriċi u proġetti favur lokalitajiet aktar nodfa, inkluż il-ħolqien ta’ bring-in sites taħt l-art.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, flimkien ma’ għadd ta’ sindki u rappreżentanti tal-kunsilli lokali.
“Huma bosta Kunsilli Lokali li se jkunu qegħdin jibbenefikaw u jagħmlu użu minn dawn il-fondi, grazzi għal ftehim bejn l-aġenzija LESA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex ikunu l-kunsilli lokali stess li joħolmu u jwettqu proġetti li, fl-aħħar mill-aħħar, se jkunu qegħdin igawdu r-residenti fil-lokalitajiet u l-komunitajiet Maltin u Għawdxin.”