Għaddej ġmielu x-xogħol ta’ restawr fis-swar ta’ Santa Margerita, f’Bormla, li nbnew fis-seklu 18.
Dan qed isir b’investiment ta’ miljun ewro.
Id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni qed jagħmel xogħlijiet ta’ restawr fuq il-ħitan tas-sur, li jinsab bejn il-bastjun ta’ San Ġwann t’Għuxa u dak ta’ Santa Liena, sabiex tiġi salvagwardjata din il-parti importanti tal-istruttura.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, saħaq fuq l-impenn tal-Gvern biex jippreserva l-wirt kulturali Malti.
“Dan huwa x-xogħol li qed intwettqu biex dawn il-fortifikazzjonijiet jerġgħu jingħataw il-glorja li darba kellhom. Tajjeb li ngħidu li din hi l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li qed isir restawr fuq dawn is-swar. Għalhekk, aħna kburin ħafna bil-ħidma li qed inwettqu.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħħret l-impenn tal-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr biex iwettqu din l-iskema.
“Grazzi għad-Dipartiment tar-Restawr, illum ninsabu hawnhekk, f’Bormla, sabiex insegwu xogħlijiet imprezzabbli li jwettqu l-ħaddiema f’dan id-dipartiment iżda wkoll mhux biss se jgwadu r-residenti, imma t-turist lokali u dak barrani.”
Ix-xogħlijiet jikkonsistu fit-twaqqif tal-armar, tindif ta’ ġebel li qed ifarfar, il-preservazzjoni tal-patina oriġinali kull fejn huwa possibbli, it-tneħħija ta’ tikħil li sar bis-siment, kif ukoll il-konsolidazzjoni u l-mili tal-fili b’taħlita li fiha l-ġir idrawliku.
Partijiet li kienu ġarrbu ħsarat matul it-Tieni Gwerra Dinjija se jinbnew mill-ġdid.
Hemm ukoll sezzjonijiet ta’ blat li nqasmu f’waħda mill-faċċati tal-foss u dawn qed jiġu stabilizzati b’teknika ta’ rbit mal-blat.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Membri tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.