Tqassam l-ewwel pagament minn kważi miljun ewro f’kumpens lil 25 persuna li ġew ikkonfermati li qed isofru xi forma ta’ diżabilità wara t-teħid tal-mediċina Thalidomide fi żmien li ommijiet kienu tqal bihom. Dan ħabbritu waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli.
Il-Gvern kien beda proċess ta’ evalwazzjoni rigoruż biex jevalwa t-talbiet għal kumpens minn dawk milqutin. Din l-evalwazzjoni saret minn bord mediku indipendenti, fejn intlaqgħu 40 applikazzjoni. Minn dawn l-40 applikazzjoni rriżulta li huma 25 li d-diżabilità tagħhom hi kawża tat-teħid tal-pillola Thalidomide għexieren ta’ snin lura fiż-żmien.
Il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jħaffef il-pagamenti u jiżgura li l-kumpens finanzjarju jasal għand il-vittmi, b’mod aktar spedit, tant li dawn se jkunu issa qed jitqassmu fuq medda ta’ tliet snin, minflok seba’ snin, bl-ewwel pagament maħruġ din is-sena, bit-tieni u t-tielet pagamenti jitħallsu fl-2025 u l-2026 rispettivament.
Din id-deċiżjoni turi l-impenn tal-Gvern li jagħmel ġustizzja mill-aktar fis mal-vittmi tat-Thalidomide.
Dan il-kumpens ta’ darba ex gratia nħadem fuq formula li tieħu f’kunsiderazzjoni, fost oħrajn, il-persentaġġ tad-diżabilità u l-età tal-persuna fil-preżent. Ġie spjegat kif l-inqas ammont li se jingħata hu ta’ €22,537, filwaqt li l-ogħla ammont hu ta’ €68,815.
Fil-fatt, il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif, għal darb’oħra, dan il-Gvern irrimedja inġustizzja tal-passat u li, permezz ta’ din l-iskema, saret ġustizzja, minkejja l-weġgħat tal-passat.
“Miljun ewro bejniethom se jkunu qed jinqasmu skont id-diżabilità u l-persentaġġ kemm hu għoli ta’ dik id-diżabilità partikolari.”
Lura fis-snin sittin, il-pillola tat-Thalidomide kienet normalment preskritta mit-tobba lil nisa tqal, li kienu jbatu mill-morning sickness. Minkejja li fl-1961 din il-pillola kienet ġiet ipprojbita fuq livell internazzjonali, din baqgħet disponibbli f’Malta sal-1968. Din il-pillola kienet il-kaġun ta’ numru ta’ korrimenti waqt it-tqala, waqt li ġew ikkawżati deformitajiet fi tfal li twieldu.
Preżenti fil-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru, Nancy Caruana, u l-25 persuna li kkwalifikaw għall-kumpens fejn irċevew l-ewwel ħlas dovut lilhom.
Tkellimna wkoll ma’ Anatole Baldacchino, li hu l-President tat-Thalidomide Survivors Malta, li fisser l-importanza ta’ dan it-tragward li ntlaħaq favur il-vittmi, wara li ġew rikonoxxuti u ngħataw apoloġija.
“Kien baħar enormi jiġifieri u kienet xi ħaġa li konna ngħidu li nilħqu mmutu sakemm tasal din il-ġurnata, imma l-ġurnata waslet illum u ninsabu ferħanin li lħaqna dawn it-tliet miri prinċipali.”