Ġiet imnedija skema finanzjarja b’allokazzjoni ta’ 1.8 miljun ewro biex il-Gvern jagħmel tajjeb għall-effetti taż-żidiet fil-prezzijiet tal-għalf, li impattaw lir-raħħala Maltin u Għawdxin minħabba l-Gwerra fl-Ukrajna.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, saħaq kif din l-għajnuna finanzjarja hi mmirata lis-setturi tal-annimali li jaqgħu taħt l-Appoġġ Akkoppjat għall-Introjtu, jiġifieri dak tal-produzzjoni tal-ħalib, taċ-ċanga u tan-nagħaġ, flimkien ukoll mas-settur tal-mogħoż, li għaddej minn kundizzjonijiet simili.
Il-prezzijiet tal-produzzjoni lokali isegwu dawk tal-importazzjonijiet u, għalhekk, il-Ministeru responsabbli wettaq analiżi dwar l-impatt tal-prezzijiet tal-għalf fuq is-settur tal-annimali.
Bejn l-2021 u l-2022, il-prezz tat-tiben żdied b’36%, filwaqt li l-prezz tal-ħuxlief niexef għola b’41%.
Sfortunatament, fl-2023, il-prezzijiet komplew jitilgħu aktar ’il fuq b’9% żieda fit-tiben u 2% żieda għall-ħuxlief niexef. Għalhekk, l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali fi ħdan il-Ministeru responsabbli żviluppat din l-iskema.
“Dawn ħa nagħtuhom ukoll is-sussidju tal-għalf, li hu importanti, però din id-darba mhux ħa nagħmlu massimu sa 15,000, imma kull ras tkun qed tikkwalifika u l-Gvern se jagħtiha sussidju. Dan juri li kemm il-Gvern jimportah mill-bdiewa u r-raħħala tagħna. Nimxu magħhom spalla ma’ spalla u nagħmluhom aktar reżiljenti għall-isfidi tal-futur.”
Fl-istess konferenza raħħala, li se jibbenefikaw minn din l-iskema, tkellmu ma’ ONE News u tennew kemm din l-għajnuna se tkun ta’ benefiċċju għax-xogħol tagħhom ta’ kuljum.
“Jiena għandi trobbija tal-baqar ta’ erba’ mitt ras u din l-għotja hi ta’ għajnuna, ittaffi ħafna mill-piż. Minn mindu ġrat il-Gwerra tal-Ukrajna, kien hawn nuqqas ta’ magħlef u din ittaffilek daqsxejn mill-piż.”
“Nispeċfika l-aktar fuq il-ħalib u l-produzzjoni tal-ġobon u din l-għajnuna, li ġiet bħalissa, speċjalment din is-sena, ħa tgħin ħafna u tpoġġi s-settur ’il quddiem.”
Sadanittant id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, Louisa Formosa, spjegat kif ir-raħħala eliġibbli fi ħdan is-setturi msemmijin se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn pagamenti diretti abbażi tan-numru ta’ annimali eliġibbli li għandhom.
L-applikazzjonijiet għall-għajnuna qed jiġu aċċettati sal-15 ta’ Mejju li ġej.