Ġiet allokata s-somma ta’ €1.83 miljun f’benefiċċji għal min jagħmel użu minn vetturi tal-elettriku jew li jħammġu anqas l-ambjent. Dan bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar l-użu ta’ vetturi elettriċi u sabiex jintlaħaq l-għan biex jitnaqqas il-livell ta’ emmissjoni.Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet li ħabbar numru ta’ skemi fosthom tal-iskreppjar, oħrajn li huma mmirati għal min jimporta l-vetturi sabiex joffru s-servizz lil min ikollu vetturi elettriċi.
Il-Ministru spjega kif permezz ta’ diversi inizjattivi, il-Ministeru qed jaħdem qatiegħ sabiex iġib il-bidla fit-tip ta’ vetturi li ngħamlu użu minnhom fejn dawn l-iskemi se jservu ta’ għajnuna biex jintlaħaq dan l-għan.
Dawn l-iskemi bdew fl-1 ta’ Jannar u huma miftuħa kemm għal kumpaniji privati u kif ukoll għal pubbliku.
Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar l-iskemi u biex wieħed jara jekk japplikawx għalih, jista’ jidħol fuq is-sit onlajn tat-trasport.