Diversi atleti u sportivi Maltin, għandhom ħolma. Ħolma li jirrapreżentaw il-bandiera bajda u ħamsa f’kompetizzjonijiet internazzjonali.
Aspirazzjoni, li jaħdmu lejl u nhar għaliha. Madankollu, minħabba din l-aspirazzjoni, jispiċċaw jaffaċjaw spiżi kbar biex iwettqu din il-ħolma.
Kien għalhekk li l-Gvern qassam is-somma ta’ aktar minn miljun u sitt mitt elf ewro lill-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi, sabiex l-atleti u sportivi jippreżentaw lil pajjiżna f’kompetizzjonijiet u impenji internazzjonali.
B’din l-għajnuna, l-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi jkunu f’pożizzjoni aħjar biex l-atleti u sportivi fid-diversi dixxiplini sportivi li jirrappreżentaw, ikunu jistgħu jieħdu sehem u wkoll jipparteċipaw f’avvenimenti sportivi internazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li l-entità għandha diversi inizjattivi u skemi li permezz tagħhom dan is-settur qed jingħata għajnuna u enfasizza li din il-ħidma se tkompli titkattar fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru responsabbli mill-Isport Clifton Grima qal li l-Gvern huwa kommess li jkabbar is-settur sportiv sabiex l-atleti u l-isportivi jkunu jistgħu jipprattikaw id-dixxiplina sportiva tagħhom f’fora internazzjonali.