Proġett ta’ miljun u sitt mitt elf ewro ra fost l-oħrajn it-tisbiħ tal-ispazji miftuħa li hemm fir-residenza San Vinċenz de Paul, u ngħata mal-ħmistax-il elf metru kwadru ta’ asfalt ġdid fil-madwar.
Dan kollu ġie spjegat waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern għan-Nies, li matulha ntqal ukoll kif grazzi għal dan il-proġett inħolqu wkoll 360 parkeġġ ġdid madwar ir-residenza.
Il-Kap Eżekuttiv tal-isptar tal-anzjani, Josianne Cutajar spjegat li dan hu parti minn kullana ta’ proġetti li qed itejbu l-iżvilupp ta’ din iż-żona.
Il-proġett sar ukoll bl-għajnuna ta’ Infrastruttura Malta, li fi kliem il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg saret punt ta’ referenza għal entitajiet oħra tal-Gvern.
Dan filwaqt li l-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia qal li dan il-proġett jikkumplimenta investimenti oħra li jsiru kontinwament f’din iż-żona biex il-livell ta’ attenzjoni li jingħataw ir-residenti dejjem titjieb.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Bħalissa għaddej investiment massiċċ f’din ir-residenza biex ngħollu l-livell ta’ attenzjoni li nagħtu. Mhux biss għar-residenti t’hawnhekk imma anke residenti fi djar oħra u anke l-anzjani fil-komunità b’servizzi ġodda li se nagħtu.”