Matul il-konferenza internazzjonali “Our Ocean” il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar l-impenn li jiġi mwaqqaf korp governattiv ġdid fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu dedikant għall-istudju, protezzjoni, preservazzjoni kif ukoll l-immaniġjar tal-kura, espożizzjoni u aprezzament tal-wirt kulturali taħt il-baħar b’baġit ta’ €1.6 miljun.
Il-Ministru Konrad Mizzi indirizza r-raba’ konferenza internazzjonali “Our Ocean” li qed tiddiskuti modi kif jitnadfu u jiġu protetti l-oċeani. L-impenn tal-Ministeru segwiet impenji oħra li saru mil-Prim Ministru l-bieraħ filgħodu waqt l-istess konferenza.
Dan il-korp se jkun responsabbli mill-immaniġjar tal-aċċess tas-siti ta’ wirt kulturali marittimu kif ukoll il-promozzjoni ta’ għarfien pubbliku dwar ir-rikkezza u l-importanza ta’ dawn is-siti bħala parti mill-ambjent tal-bniedem.
Fil-kummenti tiegħu l-Ministru Konrad Mizzi qal li l-protezzjoni ta’ riżorsi kulturali prezjużi li ma kinux magħrufa se tikrea siti ġodda madwar il-gzejjer Maltin għall-bugħaddasa. Dan se jkun qed iżid il-prodott tat-turiżmu marittimu filwaqt li esponi lill-gżejjer Maltin fuq libel globali u b’hekk irawwem it-tkabbir ekonomiku blu, għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.