Permezz ta’ proġett ta’ miljun ewro l-Gvern flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa se jkunu qed jirriġineraw il-pjazza tal-lokal u jirrestawraw it-torri tal-arloġġ. Dwar il-proġett tal-pjazza l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega li din iż-żona li tinsab fil-qalba tal-Imtarfa se terġa tingħata l-ħajja mill-ġdid u sabiex tkun tista taqdi l-bżonnijiet tal-komunita b’mod aħjar.
F’konferenza stampa mill-pjazza tal-Imtarfa l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega kif għandna Gvern li huwa iffukat b’mod dirett fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna, imma importanti li niftakru li għalina l-infrastruttura ma tfissirx biss toroq, anzi għandha sinifikat ħafna aktar wiesa’ minn hekk, sinifikat li jinkorpora anke l-ispazju miftuħa bħal ġonna, pjazez, wirt kulturali u dak kollu li jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.
Minn naħa tagħha, l-Ministru Helena Dalli laqgħet dan il-proġett u spjegat kemm hija importanti li l-Kunsilli Lokali jagħmlu użu minn fondi Ewropej sabiex jirranġaw u jagħtu ħajja mill-ġdid lill-binjiet storiċi li ssib fi ħdanu.
Il-Ministru Owen Bonnici faħħar il-ħidma tal-Kunsill Lokali u laqa’ l-fatt li l-Kunsill se jkun qed jaħdem sabiex jirrestawra binja storika storika li hija sinonima mal-Imtarfa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li dan il-Gvern jemmen bis-serjetà fil-Governenza Lokali. Filfatt ir-riforma tal-Gvern Lokali se ssaħħaħ kemm lill-Kunsilli Reġjonali kif ukoll dawk Lokali u li taħdem fuq kollox fil-qasam soċjali biex b’hekk ebda persuna ma tiċċaħħad mill-opportunitajiet jew mis-servizzi offruti, li l-kwalità tal-ħajja titjieb, inkluż tal-anzjani u tal-persuni bi bżonnijiet speċjali, u jitjiebu u jiżdiedu l-attivitajiet u l-inizjattivi li jippromwovu l-kultura, l-isport u l-edukazzjoni, biex b’hekk ħadd ma jkun eskluż.
Is-Sindku tal-Imtarfa Dr Daniel Attard qal li dan kollu huwa xhieda ta’ Kunsill magħqud li ġab ir-riżultati u kiseb suċċess għal kulħadd, suċċess li mhux dovut biss għall-proġetti li twettqu sa issa bħal dak tal-bandli, tal-bosk, tal-librerija u tat-toroq li lkoll saru bl-għajnuna tal-Gvern ċentrali, iżda frott il-legat b’saħħtu li se jħalli għal-leġiżlatura li jmiss, leġiżlatura li se tibda b’dan l-akbar proġett u investiment bla preċedent fl-Imtarfa li se jkompli jiġġenera l-ekonomija lokali waqt li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti kollha.