B’investiment ta’ miljun u erba’ mitt elf ewro, se tkun qed tiġi riġenerata l-pjazza ta’ Buġibba.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Gavin Gulia, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li se tkun qed tinvesti f’dan il-proġett, sostna kif din il-pjazza ġiet mibdula għal kif nafuha llum aktar minn għoxrin sena ilu.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo pprovda d-dettalji dwar dan il-proġett li mistenni jibda x-xogħol fuqu fi tmiem din is-sena.
Huwa stqarr: “Wara 25 sena ħabbar investiment ta’ €1.4miljun fil-pjazza ta’ Buġibba fejn se nkunu qed naraw li jinbidel il-pavimentar, jiżdied b’mod drastiku s-siġar f’din iż-żona u anke jkollna shaded areas għat-turisti u l-familji biex igawdu dan il-post.”
Dan l-investiment jifforma parti integrali min riġenerazzoni massiċċa tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
Huwa tenna: “Investiment li se jkun qed jifforma l-bażi tar-riġenerazzjoni għall-kumplament ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u x-Xemxija fejn bħalissa ninsabu għaddejin b’numru ta’proġetti sabiex b’hekk naraw li din iż-żona tkun waħda li tilqa’ kemm lill-familji Maltin u Għawdxin u kemm lit-turisti li jiġu jżuru l-akkwata.”
Ix-xogħol fil-pjazza ta’ Buġibba mistenni jieħu madwar sitt xhur.