B’proġett ta’ miljun u tlett mitt elf ewro f’fondi Ewropej, il-Ministeru għal Għawdex ser jinbidel f’binja kompletament favur l-ambjent.
Ħabbru dan il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu, fejn spjegaw kif ser jibda x-xogħol sabiex il-binja tal-Ministeru tiġi aktar effiċjenti.
Il-Ministru Caruana spjegat kif il-binja tal-Ministeru se tinbidel f’binja ekoloġika li ser tissodisfa l-kriterji kollha ambjentali illi pajjiżna qed jimmira għalihom”,
“ ifisser allura fondi ewropej ukoll għall-Għawdex illi permezz tagħhom ser tinbidel is-sistema tal-arja kkundizzjonata, sistema tal-elettriku, sistema wkoll tal-aperturi biex inkunu nistgħu nimmiraw lejn konservazzjoni u effiċjenza tal-enerġija u tkun allura qed tiwettaq l-istrateġija ta’ eko Għawdex.”
Hija tenniet kif din hija fażi minn sensiela ta’ fażijiet oħra li tinkludi r-ristrutturar tad-diversi dipartimenti biex ikun hemm iktar aċċessibiltà għall-pubbliku. Spjegat kif dan il-proġett ħa jkun jikkumplimenta sensiela ta’ proġetti oħrajn mill-Ministeru għal Għawdex fosthom il-pjazza ta’ San Franġisk, it-taraġ ta’ San Franġisk u ċ-ċentru tas-saħħa.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia spjega li dan il-proġett ser jikkumplimenta proġetti simili oħra li saru f’Malta fosthom f’binjiet storiċi li qed jingħataw xejra ġdida.
Huwa tenna kif dan il-proġett ser jgħin lil pajjiżna jilħaq il-miri ekoloġiċi li pajjiżna għandu għall-elfejn u ħamsin
“Jgħinuna fil-miri tagħna tat-tibdli fil-klima anke fejn malta illum għanda miri ċari sal-elfejn u ħamsin. Ifisser ukoll tariffi orħos għal dan il-post bħala mhu qed igawdu minnu postijiet oħra u qed inħares il quddiem biex lil hinn milll-2020 dan il-proġett ikompli joħloq dak li jissejħu green jobs u knowledge transfers li pajjiżna għandu bżonn biex jilħaq dawn it-targets li għandna.”
L-Inġinier Chris Cordina qal li permezz ta’ dan il-proġett, il-Ministeru gaħl Għawdex ser jnaqqas il-konsum tal-eletriku u b’hekk se jikkontribwixxi fi tnaqqis ta’ mija tlieta u għoxrin tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju fis-sena.