Għadd ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex se jgawdu minn total ta’ €1.2 miljun minn Fondi Norveġiżi, li se jintużaw għal diversi proġetti minn kunsilli lokali. Kull proġett jista’ jgawdi minn minimu ta’ 25,000 ewro u massimu ta’ 100,000 ewro.
Il-proġetti magħżula fl-ewwel skema kienu dawk sottomessi minn erba’ kunsilli lokali: ta’ Ħal Tarxien, tal-Furjana, ta’ Ta’ Xbiex, u ta’ Santa Venera. Dawn bejniethom ingħataw aktar minn erba’ mija u ħamsa u tletin elf ewro.
Fit-tieni sejħa ntgħażlu sitt kunsilli lokali: ta’ Ħal Tarxien, ta’ Raħal Ġdid, tal-Marsa, tal-Birgu, ta’ Tas-Sliema, u tal-Isla. Dawn se jkunu qed jieħdu bejniethom aktar minn ħames mija u tmienja u sittin elf ewro.
Waqt il-ftuħ tat-tieni sessjoni ta’ taħriġ immirat għal dawk il-kunsilli lokali f’lokalitajiet li huma meqjusa bħala urbani, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ħabbret li dan il-programm huwa ffinanzjat mill-Ismall Grants Scheme mill-programm imsejjaħ ‘Fondi Norveġiżi’, li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jindirizza l-inugwaljanza u l-isfidi relatati mal-qagħda soċjoekonomika fil-lokalitajiet.
Zerafa Civelli saħqet li dan il-programm għandu jitqies bħala għodda importanti li tgħin lill-kunsilli lokali urbani biex iwettqu proġetti u inizjattivi li jkunu fil-qafas tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp. Dawn il-proġetti jgħinu sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, kif ukoll biex jittieħdu aktar inizjattivi sostenibbli li jgħinu lil dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Il-kunsilli lokali urbani qed jingħataw l-opportunità li jwettqu diversi proġetti li jindirizzaw sfidi bħar-riġenerazzjoni fiżika, ekonomika, u soċjali fl-irħula u l-ibliet f’pajjiżna.
Dan il-programm ta’ taħriġ jinkludi ‘Manual of Procedures’ għall-implimentazzjoni tal-proġetti li huwa mmirat sabiex il-Project Leaders ikollhom aktar għarfien amministrattiv biex iwettqu l-proġetti magħżula b’mod aħjar u aktar sodisfaċenti.
Is-segretarju Parlamentari Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza ta’ dawn il-proġetti fi ħdan il-kunsilli lokali f’pajjizna.
Hu qal, “Inħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali kollha sabiex jaħtfu l-opportunitajiet bħal dawn sabiex ikomplu iressqu ‘l quddiem il-lokalitajiet tagħna sabiex ir-residenti tagħhom ikomplu jghixu ħajja aħjar.”