Is-sena li għaddiet kien hemm sitt mija ħamsa u sittin kumpanija li ma laħqux il-kwota stabbilità mil-liġi tal-ammont ta’ persuni b’diżabbiltà li suppost iħaddmu magħhom. Ta’ dan kellhom iħallsu bejniethom miljun u mitejn elf ewro f’multi.
Dan jirriżulta mir-rapport annwali ta’ Jobs + fejn huwa spjegat li l-kontribuzzjoni annwali mill-kumpaniji li jimpjegaw aktar minn għoxrin ħaddiem u li ma josservawx il-liġi hija ta’ elfejn u erba mitt ewro għal kull ħaddiem b’ diżabilita‛ li ma jimpjegawx.
Ir-rieda tal-gvern li ntweriet fl-aħħar snin biex din il-liġi tkun infurzata ġġib it-tifħir ta’ tac-Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’diżabilita’, Oliver Scicluna, li minn naħa tiegħu jisħaq li importanti li ma nifqux hemm.
Itenni li huwa importanti li wieħed janalizza r-raġuni għaliex l-kumpaniji ħadu d-deċiżjoni li jħallsu l-multa u mhux li jħaddmu l-persuni b’diżabilità.