Il- ġilda hija wieħed mill-aktar organi importanti tal-ġisem. Fl-Università ta’ Tokyo inħolqot ingwanta teknoloġika li kapaċi tibdel totalment il-qasam tas-saħħa.
Immaġina xena fejn permezz ta’ teknoloġija speċjali l-ġilda tagħna tkun tista’ tikkomunika dak li jkun għaddej ġewwa l-ġisem tal-bniedem. Din l-invenzjoni tista’ tassisti kirurgi permezz ta’ twissijiet meta persuna tkun ser tinħakem minn xi marda, invenzjoni li tista’ wkoll tesponi mard li jkunu preżenti f’persuni oħra, sempliċiment billi tħoss il-ġilda ta’ persuna oħra.
Takao Someya, xjentist minn Tokyo rnexxielu jbiddel din ix-xena f’realta’.
Someya ivvinta ġilda elettronika, msejħa bħala e-skin, materjal teknoloġiku li għandu l-potenzjal li jintroduċi fis-settur tas-saħħa setgħat ġodda li jagħmlu użu mis-sensitivita’ tal-ġisem.
Meta wieħed iżomm din l-ingwanta f’idejh mal-ewwel jireallizza li hija ħafifa rixa, izda l-ixjentist jistqarr li huwa materjal b’saħtu ħafna u li jista jbiddel totalment il-qasam tal-mediċina.
Someya qed jistinka sabiex fil-futur, permezz ta’ din l-ingwanta, t-tobba jkunu jistgħu jagħmlu djanjosi ta’ pazjent sempliċiment b’ din l-ingwanta, li kapaċi tiddentifika tumur zgħir fis-sider tal-mara mingħajr testijiet. Dan jista’ jwassal sabiex tumur jiġi identifikat f’perjodu iqsar ta’ zmien.