Luxol St Andrew’s u l-Universita’ ta’ Malta ngħaqdu ma’ Żurrieq Futsal u Ta’ Xbiex fis-semifinali tal-E & L Futsal Trophy wara li rebħu b’mod konvinċenti l-konfronti rispettivi tagħhom.
Luxol kienu tajbin biżżejjed sabiex jegħlbu lir-rivali Swieqi United 6-1.
Minkejja li sabu ruħhom minn taħt, iċ-champions Maltin kienu kapaċi jdawwru l-iskor favurihom bit-tieni taqsima li kienet waħda eċċezzjonali għalihom u fejn iddominawha mill-bidu sal-aħħar.
Ryan Muscat poġġa lil Swieqi minn fuq iżda Mark Zammit ġab l-iskor indaqs għat-tim minn St Andrew’s.
Fit-tieni taqsima, Victor Oliveira Dias, Andre Ciancio, Jhonn Castro u doppjetta ta’ Andy Mangion għamlu l-iskor wieħed tennistiku għal Luxol.
L-Universita’ ta’ Malta, li huma l-holders ta’ din it-tazza, għelbu liċ-champions taċ-Challenger League St George’s 6-0.
Kif jindika l-iskor, l-Universitarji għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u bnew vantaġġ tajjeb sabiex amministraw il-logħba bl-aqwa mod possibbli.
Andre Cachia skorja doppjetta personali filwaqt li Aaron Montebello, Leo Muscat, Cleaven Portelli u Jean Noel Azzopardi niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Fis-semifinali li se jintlagħbu l-ġimgħa d-dieħla, Luxol jaffrontaw lil Żurrieq filwaqt li l-Universita’ ta’ Malta jilagħbu kontra Ta’ Xbiex.