Kulma jmur is-servizzi governattivi onlajn qed jibqgħu jissaħħu. Dan bil-għan li l-pubbliku jkun jista’ jinqeda kemm jista’ jkun malajr b’inqas skariġġ u inkonvenjent. Mhumiex biss servizzi governattivi essenzjali li jinsabu onlajn imma wkoll sempliċiment biex tissieħeb mal-libreriji maltin bil-għan li tkun tista’ tissellef il-kotba tradizzjonali kif ukoll dawk elettroniċi.
Dak li jkun forsi jistaqsi jekk għadx hawn bżonnhom il-libreriji peress li kollox miexi lejn l-onlajn. Iżda l-libreriji maltin ukoll mexjin maż-żminijiet. Tant hu hekk li biex tkun membru tal-Libreriji Maltin tista’ tapplika onlajn u taqra l-kotba onlajn ukoll. Kemm mill-kumdità ta’ darek kif ukoll mil-librerija stess.
Matul dawn l-aħħar xhur, is-Servizz Pubbliku mexxa eżerċizzju estensiv li permezz tiegħu l-formoli kollha onlajn, minflok ma joqgħodu jimtlew bl-idejn u jintbagħtu bil-posta, ikunu jistgħu jimtlew onlajn stess. Dan jiffranka ħafna skariġġ u ħela ta’ ħin għall-individwu. Dan l-eżerċizzju huwa eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni kbir għaliex jinvolvi s-servizzi kollha tal-Gvern. Liema eżerċizzju kien saħansitra rikonoxxut mill-Kummissjoni Ewropea li kklassifikat lil pajjiżna fil-quċċata fl-għoti ta’ servizzi tal-Gvern onlajn.
Is-sit ta’ servizz.gov jagħmel propju dan. Fih jiġbor is-servizzi kollha governattivi li jista’ jiġi bżonn iċ-ċittadin. Għaldaqstant m’hemmx il-ħtieġa li joqgħod jara t-tali servizz taħt liema ministeru jaqa’ biex ikun jista’ jinqeda, imma sempliċiment jidħol f’dan is-sit elettroniku u jsib kollox f’portal wieħed.
Jikkumplimenta dan is-sit hemm numru ta’ mobile apps li wħud minnhom tnedew fil-ġranet li għaddew. Għalhekk apparti li s-servizzi jinsabu onlajn, uħud minnhom saħansitra tista’ taċċessahom minn fejn trid u fi xħin trid mill-mowbajl tiegħek.
Għal min imbagħad it-teknoloġija tbeżżgħu jista’ jżur wieħed miċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.gov u hemmhekk jingħata assistenza fil-mili tal-formola li jkollu bżonn. Dawn jinsabu f’Ħal Qormi, l-Qawra, Birkirkara, il-Birgu u Raħal Ġdid. Għażla oħra hija l-Freephone 153. Il-ħinijiet ivarjaw bil-għan li kull persuna tkun tista’ tinqeda fil-ħin l-aktar konvenjenti għaliha; it-Tnejn u l-Erbgħa mit-08:00 sas-19:00 u t-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa mit-08:00 sal-16:00.