Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li din is-sottomiżura għandha allokazzjoni ta’ €25m u huwa mistenni li ’l fuq minn 200 bidwi jirċievi għotjiet li jistgħu jilħqu sa €150,000 għal kull bidwi, b’għajnuna sa 50% tan-nefqa. Din il-miżura se tkun tikkumplimenta t-tliet miżuri mħabbra aktar kmieni din is-sena, fejn €30m ġew kommessi għal bdiewa li jaħdmu l-art bi prattiċi agrikoli speċifiċi li jirrispettaw u jappoġġjaw l-ambjent.
L-appoġġ taħt din il-miżura ser ikopri investimenti f’tagħmir aktar effiċjenti, titjib immirat lejn tnaqqis fil-konsum tal-enerġija kif ukoll il-qbid u l-ħażna tal-enerġija, u investimenti fil-ġestjoni tal-iskart. Investimenti fil-ħażna tal-ilma bħall-ġwiebi ġodda kif ukoll investimenti f’sistemi ta’ ħażna tal-prodotti jew attivitajiet oħra biex tittejjeb il-kwalità tal-prodott huma eliġibbli.
Il-miżura tappoġġja wkoll il-kostruzzjoni, l-akkwist kif ukoll titjib għall-proprjetà agrikola immobbli; dan jista’ jinkludi bini għall-immaniġġar speċjalizzati, provvista ta’ ventilazzjoni, insulazzjoni u refriġerazzjoni.
Sabiex tkun żgurata trasparenza massima u kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd, benefiċjarji potenzjali qegħdin jingħataw xahrejn avviż bil-quddiem sabiex ikunu jistgħu jippreparaw adegwatament għall-preżentazzjoni ta’ proposti għall-proġetti tagħhom. Il-benefiċjarji se jiġu magħżula permezz ta’ proċedura kompetittivà u applikazzjonijiet ser jintlaqgħu fl-ewwel ġimgħat ta’ Jannar 2017. Sistema miftuħa ta’ applikazzjonijiet (mingħajr data speċifika ta’ għeluq) ser tiġi adottata b’selezzjonijiet perjodiċi li jkunu mħabbra minn qabel.
Dawk interessati huma mfakkra li n-nefqa eliġibbli tapplika biss wara l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-bidwi u l-Awtorità ta’ Ġestjoni fi ħdan id-Divizjoni għall-Fondi u Programmi, fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet Annimali Roderick Galdes qal li bis-saħħa ta’ din il-miżura numru ta’ bdiewa u raħħala sejrin jiggwadanjaw sabiex itejbu u jżidu l-effiċjenza tal-irziezet tagħhom u l-makkinarju li jużaw. Din il-miżura hija strument importanti għall-iżvilupp tal-produzzjoni biex tissaħħaħ il-kompettività fil-qasam tal-agrikoltura, u biex ikollna sostenibilità fl-użu tar-riżorsi naturali. Dan kollu jista’ jsir bis-saħħa tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali u għalhekk kompla jgħid “inħeġġeġ lill-bdiewa u r-raħħala kollha biex japplikaw u jagħmlu użu minn dan l-investiment”.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg ikkonkluda billi qal li s-settur agrikolu huwa fil-bżonn ta’ tali appoġġ biex il-bdiewa jwettqu investimenti meħtieġa f’dan is-settur kompetittiv. Huwa għalhekk mistenni li din il-miżura tal-iżvilupp rurali se tiġġenera interess sostanzjali u dan jawgura tajjeb għall-futur tas-settur agrikolu Malti.