Dylan Cachia u Amy Micallef ħadu l-ewwel post fil-kategoriji rispettivi tagħhom l-Erbgħa wara nofsinhar waqt l-ewwel avveniment tal-Kampjonati Garmin Open Water Swimming organizzati mill-Birkirkara St Joseph Sports Club.
Filwaqt li l-kundizzjonijiet tal-baħar fl-Exiles, Tas-Sliema ma kinux mill-laħjar minħabba l-kurrenti u l-bram, l-avveniment laqa’ numru sabiħ ta’ għawwiema, li wħud minnhom kienu qedin jgħamlu d-debutt f’dan l-isport.
Dylan Cachia, rebbieħ tal-Kampjonati BSJ Open Water Swimming tas-sena l-oħra u rebbieħ ta’ diversi medjali fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li saru dan l-aħħar, ħa vantaġġ komdu fuq quddiem u żamm dan ir-ritmu tul il-korsa ta’ 2km. Fit-tieni post kien Luca Vella, li għandu esperjenża f’dawn il-kampjonati. Viċin wara Vella kien hemm iż-żagħżugħ Sam Camilleri. Camilleri li huwa ġdid fix-xena spiċċa fit-tielet post. Fil-kategorija tan-nisa, ir-rebbieħa tal-Kampjonat tas-sena l-oħra Martina Micallef kellha sfida mal-għawwiema ta’ esperjenza Amy Micallef li marret fuq quddiem biex rebħet it-tellieqa. Micallef kisbet it-tieni post, filwaqt li fit-tielet post daħlet Kamilla Boross.
L-ewwel tliet rebbieħa Irġiel u Nisa ġew ippreżentati bil-medalji mill-President tal-Assoċjazzjoni Sport Akwatiku ta’ Malta Karl Izzo u Mark Gaglione, li rrappreżenta lill-isponsors Garmin Malta.
“L-għażla tal-post tal-lum kienet ibbażata fuq il-feedback tal-għawwiema li esprimew ix-xewqa tagħhom li jtellqu f’postijiet differenti. Filwaqt li dan jagħmilha aktar ta’ sfida mil-lat loġistiku, ħassejna li b’hekk tkun esperjenza ta’ kampjonat aktar interessanti” irrimarka Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali tal-Birkirkara St Joseph Sports Club, immedjatament wara t-tellieqa. Temm billi rringrazzja lil Garmin Malta għall-appoġġ kontinwu tagħhom, Exiles Waterpolo Club talli taw aċċess għall-post, id-Direttorat tal-Portijiet u Yachting fi ħdan t-Transport Malta, il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u l-Assoċjazzjoni Sport Akwatiku ta’ Malta.
Il-Club se jorganizza t-tieni tiġrija tal-Kampjonati nhar l-Erbgħa 5 ta’ Lulju. Il-post fejn ser isseħħ it-tellieqa ser jkun ikkonfermat dalwaqt.
Ir-reġistrazzjoni tista’ ssir online – https://bsj.mt/event/2023-bsj-open-water-swimming-championships-race-3-2kms/
Garmin BSJ Open Water Swimming Championships – Riżultati l-Ewwel Tellieqa
Irġiel | Nisa | |
L-ewwel | Dylan Cachia (24:02) | Amy Micallef (27:27) |
It-Tieni | Luca Vella (26:17) | Martina Micallef (28:15) |
It-Tielet | Sam Camilleri (26:21) | Kamilla Boross (34:28) |
Riżultati Uffiċjali jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku – https://my.raceresult.com/248237/results