Dwayne Pullicino huwa r-rebbieħ tal-BOV Masters Top 8 Tournament 2023. Pullicino għeleb lil Mark Schranz 6-2 6-1 fil-finali tat-tournament b’Mark Gatt bħala umpire.
Il-BOV Masters Top 8 Tennis Tournament huwa l-aħħar tournament tat-tennis tas-sena organizzat mill-Federazzjoni Maltija tat-Tennis u fih jipparteċipaw l-ogħla 8 plejers klassifikati li huma eliġibbli biex jirrappreżentaw lil Malta f’avvenimenti internazzjonali.
Pullicino kiser l-ewwel service ta’ Schranz, iżda Schranz mill-ewwel kiseb il-break lura biex ġab l-iskor indaqs 1-1. Pullicino reġa’ kiser is-service ta’ Schranz u rebaħ is-service tiegħu biex mar 3-1 minn fuq. Schranz rebaħ l-ewwel logħba fuq is-service tiegħu biex ġab it-3-2 iżda Pullicino kompla rebaħ it-tliet logħbiet li jmiss biex issiġilla l-ewwel set 6-2.
L-ewwel logħba tat-tieni set kienet thriller ta’ 20 minuta li rat lil Schranz jitlef is-serve tiegħu permezz ta’ double fault. Pullicino rebaħ 4 games in fila biex mar 5-0 minn fuq. Schranz imbagħad kiser is-serve ta’ Pullicino għall 5-1 imma Pullicino minnufih kiseb il-counter-break biex issiġilla s-set 6-1 u r-rebħa.
Vitor Cabral, Uffiċjal tal-Iżvilupp tat-talent tal-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis ippreżenta t-trofew tar-rebbieħ lil Pullicino fil-preżenza ta’ Stefan Abela, CSR Manager fi ħdan il-Bank of Valletta u David Farrugia Sacco, President tal-Malta Tennis Federation.
Il-Bank of Valletta’s huwa sostenitur ewlieni ta’ inizjattivi sportivi f’Malta, bħala parti mill-Programm Komunitarju estensiv tiegħu li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-komunità li jopera fiha billi jħeġġeġ il-parteċipazzjoni f’attivitajiet li jtejbu s-saħħa. Din hija l-14-il edizzjoni konsekuttiva tal-BOV Tennis Masters Top 8 Tournament li qed tibbenefika mill-appoġġ tal-Bank.