Il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħatra tal-iSpeaker, Anġlu Farrugia, kienet influwenzata bil-kbir mid-deputati Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina.
Sostnew dan imkejjen infurmati sew fil-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, li fissru kif, sa qabel il-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-Oppożizzjoni li saret it-Tlieta filgħaxija, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien għadu ma ddikjarax pożizzjoni ċara. Madankollu, ladarba saret il-pressjoni minn dawn id-deputati, u magħhom Mark Anthony Sammut, il-Kap Nazzjonalista wera ruħu riżolut li l-grupp parlamentari jkun kontra.
Jirriżulta li deputati oħra ta’ esperjenza fil-Parlament qagħdu pass lura fil-laqgħa tal-grupp parlamentari filwaqt li oħrajn, inklużi mill-ġodda, tkellmu privatament dwar kif il-grupp parlamentari Nazzjonalista kien taħt pressjoni biex jappoġġja din in-nomina minkejja li mhux l-ewwel darba li l-Ispeaker Anġlu Farrugia ta rulings li fihom ta raġun lill-Oppożizzjoni.
Oħrajn sostnew li r-relazzjoni ta’ xogħol miegħu dejjem kienet waħda tajba, iżda l-ewwel deċiżjoni tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kienet dik li joħroġ kontra Anġlu Farrugia.
Fil-fatt, dan tħabbar fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista tard it-Tlieta filgħaxija. Fi tmiem il-laqgħa, li saret fid-Dar Ċentrali f’jiem ta’ ġlied u kriżi fil-Partit Nazzjonalista, intqal li l-grupp parlamentari ta’ Bernard Grech ma jridx li Anġlu Farrugia jerġa’ jippresiedi l-Parlament Malti.
In-nomina ta’ Anġlu Farrugia bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti fl-erbatax-il leġiżlatura, mistennija titressaq mill-Gvern nhar is-Sibt li ġej.
L-Ispeaker jinħatar b’maġġoranza sempliċi tal-Parlament Malti u l-Prim Ministru sostna li Farrugia baqagħlu kontribut x’jagħti, anke għax kien hu li beda numru ta’ riformi, fosthom l-awtonomija tal-Parlament.
Din se tkun it-tielet darba li Anġlu Farrugia se jkun nominat għal dan l-irwol. Darba l-Partit Nazzjonalista vvota favurih u darb oħra kontrih.