Waqt laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli tkellmet dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea jkollha mekkaniżmu ċar u ġust bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rilokazzjoni tal-immigranti. Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali kellu fuq l-aġenda l-preparazzjoni għas-summit tal-mexxejja Ewropej li se jsir f’Diċembru li ġej, u li se jkompli jiddiskuti l-immigrazzjoni fost materji oħra kif ukoll il-Baġit tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2021-2027.
Il-Ministru Dalli qalet li l-qsim tar-responsabbiltà marbuta mal-immigrazzjoni m’għandux ikun xi ġest ta’ karità lejn dawk il-pajjiżi fuq il-periferiji tal-Ewropa, iżda għandu jkun ġest ta’ solidarjetà u qsim ta’ responsabbiltà bejn kull stat membru. Il-Ministru Dalli żiedet tgħid li jeħtieġ li jkun hemm progress fuq dan is-suġġett u mhux sempliċiment diskussjonijiet fejn ma tittieħed l-ebda deċiżjoni. Dan minkejja l-fatt li n-numri ta’ immigranti fil-Mediterran naqsu. Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar l-importanza li jkun hemm aktar kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi f’dan ir-rigward, hekk kif din il-kooperazzjoni tista’ tagħmel id-differenza.
Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali ddiskuta wkoll il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) għall-2021-2027. Il-Ministru Dalli tkellmet dwar l-importanza li jkun hemm qbil kemm jista’ jkun malajr biex ma jkunx hemm konsegwenzi negattivi fuq iċ-ċittadini. Tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-fond ta’ koeżjoni u sostniet li Malta tibqa’ xettika dwar it-tnaqqis propost. B’referenza għall-fondi għar-riċerka fil-programm Horizon, il-ministru qalet li dawn għandhom jintużaw biex jitkattru r-relazzjonijiet bejn istituzzjonijiet tar-riċerka u universitajiet oħra.
Fuq tema oħra, Helena Dalli laqgħet il-fatt li l-inizjattiva li beda l-Gvern Malti fl-2008 għat-tisħiħ fir-relazzjonijiet tal-UE ma’ stati Għarab se tkun diskussa fl-Eġittu fi Frar tas-sena d-dieħla. Helena Dalli għamlet referenza wkoll għall-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, liema konsultazzjonijiet f’Malta ntemmu nhar il-Ġimgħa li għadda b’diskussjoni mal-Prim Ministru. L-eżitu ta’ dawn il-konsultazzjonijiet se jiġi diskuss fuq livell Ewropew fix-xhur li ġejjin.
Ritratti: MEAE