Għall-eks Kap Nazzjonalista u Kandidat Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali, Adrian Delia, il-każ ta’ allegazzjoni li kien għamel is-sit Lovin Malta dwaru mhux każ magħluq.
Il-kwistjoni hija dwar kif is-sit tal-istrateġista ta’ Bernard Grech, Chris Peregin, kien qal li waqt dibattitu parlamentari wara li sar magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, Adrian Delia kien f’kuntatt dirett ma’ Fenech.
Din l-allegazzjoni Delia dejjem ċaħadha u fl-aħħar sigħat is-sit Lovin Malta, li fuqu għad għandu kontroll enormi Peregin, issa kkjarifika li l-artiklu rrappurtat propja fis-sajf bl-allegazzjoni, ma riedx jagħti x’jifhem li Delia kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech.
Għal dan l-iżvilupp Delia rtira l-libell iżda għalih baqa’ mhux każ magħluq.
Fil-fatt fuq facebook persuna kkummentat li għandha xewqa tkun taf min għadda l-informazzjoni falza lil-Lovin Malta u min kien wara dan kollu.
Mingħajr ma semma ismijiet bħal Jason Azzopardi u David Thake, Delia pront weġibha li qed jistenna l-konklużjoni ta’ investigazzjoni u inkjesta li talab biex ta sinjal li għalih il-każ mhux magħluq kif ħaddieħor qed jipprova jmewwet.
Tul it-tmexxija tiegħu fil-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi u anki David Thake kienu ħadmu kontra Adrian Delia u saħansitra Thake kien mar fuq ix-xandir nazzjonali jagħmel allegazzjonijiet li Delia ħa l-eluf mingħand Yorgen Fenech biex tiġi mminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa.
Ma’ Jason Azzopardi, Delia daħal il-Qorti u fuq it-televiżjoni kien qal li Jason Azzopardi huwa persuna li jigdeb, li jgħid il-falz u li jiffabrika l-affarjiet fuq in-nies.
“Jason Azzopardi ħafna drabi jweġġa’ lin-nies”, kien iddikjara Delia.