Ma tistax tivvota kandidati li mhumiex tal-Partit Nazzjonalista. Dan kien kliem il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech f’Ħaż-Żabbar, fejn ordna lil kull min kien qed jisimgħu biex jivvota kontra l-Prim Ministru Robert Abela.
Qal, “Fit-8 ta’ Ġunju ma tistax tivvota lil Robert Abela. Ma tistax tivvota lill-ebda kandidat ieħor li mhuwiex tal-Partit Nazzjonalista.”
Bernard Grech infexx f’attakki fil-konfront tal-Prim Ministru bħalma għamel il-Ħadd fil-Mellieħa. Miegħu kompliet il-kandidata Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew Miriana Calleja Testaferrata De Noto.
Hi anke bdiet titkellem fuq Roberta Metsola u David Casa, li, skontha, tkellmu fuq dak li kien qed jiġri f’Malta.
Qalet, “Kellna tradituri fil-Partit tagħna, għax kellna żewġ rappreżentanti fil-Parlament Ewropew li marru jitkellmu fuq dak li għaddej Malta.”
Dan anke jekk, fl-istess ħin, kemm Metsola kif ukoll Casa, imbagħad, iddefendew pajjiżi oħrajn akkużati b’reati gravi, bħall-Bulgarija u l-Greċja, sempliċiment, għax immexxijin minn gvernijiet ta’ partiti msieħba fil-Partit Popolari Ewropew, l-EPP.
Fl-istess żewġ pajjiżi kien hemm skandli kbar li faqqgħu, fosthom fil-Greċja b’telefonati ta’ ġurnalisti u politiċi rivali jiġu interċettati mill-Gvern.
Iżda għal Testaferrata De Noto, Metsola u Casa kienu qed jagħmlu xogħolhom kontra Malta.
Qalet, “Il-Membri Parlamentari Ewropej tagħna fil-verità dak hu xogħolhom.”