Jien qatt ma ġejt ikkontrollat minn ħadd. Dan kien kliem l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia fuq l-istazzjon Fliving wara li anki kien hemm dikjarazzjoni ta’ Manuel Delia li wissa lil Bernard Grech biex ma jgħaxxaqhiex inkella jneħħuh.
Delia qal, “Jista jkun ikun hemm mhux biss jattakka imma jrid jikkontrolla, mhux lili, lil Kap tal-Partit. Inti ma ħallejthomx jikkonrollawk? Qatt u għalhekk kien hemm effort straordinarju biex jien nitneħħa.”
Waqt dan il-programm, Delia fetaħ il-kanuni kontra l-establishment Nazzjonalista.
Hu kompla jgħid, “Jiġifieri aħna qegħdin fil-poltika biex ngħinu lin-nies, inservu u l-għodda tagħna tkun il-mibgħeda – it-tgħajjir, niddeskrivu n-nies tal-ewwel u tat-tielet klassi.”
Delia ma qagħadx jogħmodha lanqas kontra deputati mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li huma wara Bernard Grech.
Hu qal, “Kulħadd jiftakar li mill-ewwel ġurnata jiddikjara uħud pubblikament, uħud le li dan ma riedux bl-ebda mod jaħdmu miegħi, iddikjarawh pubblikament, inkluż deputati. Ma aċċettawkx bħala kap? Ijwa ma riedux hux.”
Qal kif tul it-tmexxija tiegħu, qala’ ħafna.
L-eks Kap Nazzjonalista qal, “Jien għamilt tliet snin naqla’ minn kullimkien.”
F’dan il-programm intervjena wkoll David Dalli, li l-Erbgħa rriżenja minn Kunsillier Nazzjonalista ġewwa San Ġwann. Huwa sellem lil Delia bħala l-Kap tiegħu.
“Insellimlek Kap għax int għadhek il-Kap tiegħi … u tibqa’ l-Kap tiegħi.” Qal Dalli.
Waqt din it-telefonata spjega t-tgħajjir li qala’.
Dalli spjega, “Tfajt ir-riżenja tiegħi għal mod kif ġejt trattat. Jien għalija l-id tal-ħbiberija li qegħdin jitolbu ilha tingħad tliet snin. Biss il-biċċa tax-xogħol ma waslet qatt għand minn kellha tasal. Issa ma nafx kif għandhom il-wiċċ jitolbu l-id tal-ħbiberija.”
Hu kompla jgħid, “Anke fuq il-Facebook iparlaw ħafna insulti. Mela ħaddieħor għandu d-dritt jgħid li jrid u jien m’għandiex nieħu l-opinjoni tiegħi, hux hekk, hekk ġabuna.”
L-eks Kunsillier Nazzjonalista qal li Bernard Grech mhux il-kap tiegħu.
“He’s not my leader.” Iddikjara Dalli.
Dalli ma kienx waħdu li telaq tul dawn l-aħħar sigħat mill-Partit Nazzjonalista, hekk kif tul il-jum tal-Ħamis, ħu Adrian Delia, Anthony Delia u Anne Fenech, it-tnejn kienu żewġ kunsilliera Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar, ġew indipendenti.
Dawn segwew lil bosta oħra, hekk kif mill-ħatra ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista tlieta fil-mija mill-kunsilliera Nazzjonalisti telqu mill-Partit.
Matul il-jum tal-Ħamis irriżenja wkoll Constantino Persiano mill-Kumitat Sezzjonali ta’ Ħal Tarxien.
Intant waqt il-programm kien hemm numru ta’ telefonati minn partitarji ta’ Delia.
Telespettattriċi minnhom qalet, “La telaq hu, tlaqt jien.”
Raġel minnhom qal, “Ngħid lil Adrian Delia jserraħ rasu għax bħal ma għamlu lilu, ħa jagħmlu lil Bernard Grech. Qabel ma jneħħu l-imbarazz minn hemm, idaħħlu ż-żgħar m’għandniex ċans naraw il-Gvern Nazzjonalista fil-Gvern.”
Raġel ieħor qal, “Għadna s-saħħa tal-vot u sempliċimin taħsbu li għamel il-ħsara ħa jkollna fuq il-lista xi għoxrin, għaxar kandidati jew kemm ikollna u ma nivvutawlhomx.”
“Dan li sar kollu bil-ħdura u vendikazzjoni għax li kieku l-affarijiet riedu jagħmluhom fair kienu jħallu sal-elezzjoni, issir elezzjoni, ma jmurx tajjeb u imbagħad jaraw minn hemm. Mhux ġew u qalgħu dal-ħmieġ kollu issa, misshom jistħu.” Qal dan raġel ieħor.
Waqt dan il-programm, Delia spjega kif jekk mhux se jgħaddi mill-bieb, se jgħaddi mit-tieqa.
“Bi kliemek għandek iċ-ċans tmirah fil-partit? Dak x’jaħseb ħaddieħor jew forsi xi jrid ħaddieħor jew ma jridx ħaddieħor, forsi ħaddieħor komdu li jien miniex il-kap. U jekk jagħlqulhek il-bibien? Mhux dejjem hemm it-twieqi.” Temm jgħid Delia.