Anke dwar il-paga minima, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jaqbad u jitkellem mingħajr wisq ħsieb.
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat f’intervent fuq One Radio, fejn irrefera għad-diskussjoni li qed issir bħalissa fil-pajjiż dwar il-paga minima. Spjega li f’ċertu każi din żdiedet bi 8%, iżda hemm bżonn ta’ aktar diskussjoni.
Il-Prim Ministru innota li l-Kap tal-Oppożizzjoni li m’aċċennax l-appoġġ tiegħu lejn din it-tip ta’ diskussjoni. Anżi, ta x’jifhem li m’hemmx bżonn diskussjoni dwar it-titjib fil-paga minima u m’użax l-opportunità li kellu biex isemmi l-paga minima waqt diskors ewlieni fil-Parlament. Kien biss wara li l-Prim Ministru iddikjara l-appoġġ tiegħu lejn djalogu miftuħ, u wara li organizazzjonijiet mhux governattivi semmgħu leħinhom, li Busuttil donnu biddel il-verżjoni.
B’differenza, dan il-Gvern se jkun qed jikkonsulta biex jara kif jista’ jasal għal ftehim ma’ min iħaddem u ma’ unjins. Jekk ma jkunx hemm ftehim, qal il-Prim Minsitru, il-Gvern xorta fl-aħħar mill-aħħar se jkun qed jiddeċiedi, b’mod maħsub.
Dan huwa pajjiż li qed jesperjenza aktar invetsiment, fakkar il-Prim Minsitru, u diskussjoni dwar il-paga minima f’dan il-kuntest tagħmel sens. Din il-ġimgħa stess twettaq proġett ta’ investiment ta’ kumpanija Olandiża f’pajjiżna, fis-settur tal-avjazzjoni. Kumpanija li kienet ilha bl-interess li tinvesti mill-2010 iżda li huwa biss issa li l-intenzjoni tista’ titwettaq u tissarraf fil-ħolqien ta’ impjiegi u opportunitajiet.