Filmati minn kameras tas-sigurtà ttieħdu minn diversi stabbilmenti f’Paceville biex jiġu preżentati fil-Qorti bħala evidenza kontra tliet Rumeni akkużati bil-qtil ta’ Josef Rivas. Il-każ seħħ fil-5 ta’ Diċembru li għadda f’Paceville.
L-Erbgħa kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Ilie Constantin, Ionut Iulian Tanase, u Dan-Andrei Tanase.
Rivas, suspettat membru f’ċirku Rumen ta’ kriminalità organizzata, miet l-isptar Mater Dei kawża tal-ġrieħi li ġarrab wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina.
L-espert tal-Qorti, dakinhar tad-delitt, mar fuq il-post biex jiġbor evidenza diġitali minn għadd ta’ stabbilmenti.
Il-Qorti semgħet kif dakinhar tal-qtil, Rivas kien flimkien ma’ tliet irġiel oħra fejn kollha avviċinaw lill-akkużat dakinhar tad-delitt.
Ix-xhud, waqt li rrefera għal għadd ta’ ritratti meħudin mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà, ikkonferma proprju dan iżda żied jgħid li r-ritratti meħuda mill-filmati ma jurux proprju l-gravità tal-kommossjoni li nqalgħet hekk kif vann abjad kien qed jimblokka parti mill-viżjoni tal-kamera.
Xehed ukoll it-tabib tal-emerġenza Michael Spiteri, li rrakkonta kif Rivas instab wiċċu ’l fuq mingħajr ebda sinjal ta’ ħajja. Minn hemm hu beda s-CPR u mbagħad ittieħed l-isptar.
Fil-Qorti ntqal ukoll kif fuq sider il-vittma dehru b’mod evidenti għadd ta’ daqqiet.
L-avukat tal-akkużati, Franco Debono, informa lill-Qorti li saret applikazzjoni għall-ħelsien mill-arrest. Il-Maġistrat Nadine Lia qalet li l-Avukat Ġenerali oġġezzjona fuq il-bażi ta’ li ma kienx hemm indirizz imniżżel. Minkejja dan, Debono pprovda indirizz flimkien ma’ prova ta’ kuntratt irreġistrat tal-kirja.
Debono argumenta li l-akkużati aġixxew biex jiddefendu lilhom infushom, u sostna li din hi okkażjoni tajba biex jintuża l-electronic tagging.
Il-Qorti se toħroġ digriet fuq it-talba tal-ħelsien mill-arrest.