L-aħbar li l-uffiċjal tal-Pulizija Kurt Rizzo, li jifforma parti mill-Ispecial Intervention Unit, l-SIU, ġie sospiż mill-Korp tal-Pulizija wara li allegatament ittestja pożittiv għad-droga kokaina u li kien involut f’leaks ma’ traffikanti tad-droga, intlaqa’ minn skiet itarrax min-naħa tal-Partit Nazzjonalista u l-akkolti tiegħu.
Il-Kelliema Nazzjonalisti għall-Ġustizzja, Karol Aquilina, dak għall-Intern, Darren Carabott, u l-akkolti tagħhom, ewlenin fosthom l-eks Deputat u Avukat ta’ Repubblika, Jason Azzopardi u Robert Aquiliuna, ħu Karol Aquilina u n-Nutar tal-Kurja tal-Arċisqof u wieħed mill-ewlenin ta’ Repubblika, ma sabu xejn xi jgħidu.
F’okkażjonijiet oħrajn, meta jkun hemm storja dwar il-Korp tal-Pulizija, dawn saħansitra jitfixklu f’saqajhom min minnhom se joħroġ l-ewwel biex jagħmel kapital politiku.
Fil-każ ta’ Kurt Rizzo, iżda, belgħu lsienhom.
Kurt Rizzo hu t-tifel tal-eks Kummissarrju tal-Pulizija, John Rizzo, li llum hu wkoll ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.
Kurt Rizzo, li allegatament ittestja pożittiv għad-droga kokaina u li kien involut f’leaks ma’ traffikanti tad-droga, jagħmilha wkoll ta’ security mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kull meta tkun f’pajjiżna.
ONE News hu informat li Metsola speċifikament titlob dejjem li tingħata s-servizz ta’ sigurtà minn Kurt Rizzo u ta’ żewġ uffiċjali oħrajn tal-Korp.
Sadanittant, quddiem l-aħbar li xegħlet pajjiż, kemm minħabba l-gravità tal-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Rizzo kif ukoll minħabba l-parentela li dan għandu mal-eks Kummissarju tal-Pulizija, il-midja f’pajjiżna tatha importanza kbira, b’xi eċċezzjonijiet, bħat-Times of Malta, li dalgħodu difnet din l-istorja fil-paġni ta’ ġewwa tagħha.
Aqra aktar: