Illejla l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija b’rabta ma’ żewġ ħatriet importanti, jiġifieri tal-Ombudsman u tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
B’din l-istqarrija l-Kap tal-Oppożizzjoni kkonferma li mar lura, jew aħjar kien imġiegħel imur lura, minn kliemu.
Dan sostnieh fi stqarrija l-Partit Laburista,li fiha spjega li fid-diskussjonijiet dwar il-ħatra ta’ Ombudsman u Kummissarju għall-Istandards, Bernard Grech kien qabel mal-proposta tal-Prim Ministru li l-eks Prim Imħallef Joe Azzopardi jkun innominat għal Kummissarju għall-Istandards u l-Imħallef Joseph Zammit McKeon ikun innominat għall-kariga ta’ Ombudsman.
Il-Partit Laburista nnota li l-Imħallef McKeon kien diġà ssemma għall-kariga ta’ Ombudsman mill-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu xhur ilu iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni issa kkonferma li mar lura minn kliemu.
“L-Oppożizzjoni għandha idea ħażina ħafna ta’ demokrazija. Għaliha d-demokrazija tfisser biss li tgħaddi tagħha dejjem u l-ħin kollu. M’hemm ebda raġuni valida għaliex in-nomina ta’ eks Imħallef hija aċċettabbli u ta’ eks Prim Imħallef ieħor, le,” irrimarka l-Partit Laburista, li saħaq li f’dawn iċ-ċirkostanzi l-Gvern għandu jassigura li jieħu l-passi meħtieġa biex iż-żewġ karigi jimtlew.
Aktar kmieni llum il-Prim Ministru kkummenta fuq is-suġġett.