Għaddej ġmielu x-xogħol biex tinxtgħel bi dwal ġodda l-koppla tas-santwarju bażilika Madonna tal-Karmnu tal-Belt. Dan bħala parti minn proġett sħiħ tal-korporazzjoni għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li ser jara l-installazzjoni ta’ dwal ġodda fuq din il-koppla u fuq il-koppli tal-kappella tal-Pilar u l-Knisja ta’ Santu Wistin.
B’kollox sar investiment qawwi ta’ ħames mija u sebgħin elf ewro fuq il-koppla tas-santwarju bażilika madonna tal-karmnu li ra r-restawr u l-installazzjoni ta’ sett ta’ dwal ġodda.
Il-kap eżekuttiv tal-korporazzjoni għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Gino Cauchi stqarr li dan il-proġett qed isebbaħ il-veduta li wieħed jista’ japprezza mix-xatt ta’ tas-Sliema.
Cauchi qal, “Bis-sistema ta’ dwal illi ħsibna għal din il-koppla, ħa nkunu qiegħdin intuha l-importanza tagħha bħala ikona nazzjonali, kif għidt l-importanza imbgħad tgħodd anke għaż-żona ta’ Marsamxett li qed naħdmu fuqha għaliex ma tistax titkellem fuq Marsamxett u ma ssemmix il-knisja tal-karmnu. Hija parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni li ħa nkunu qiegħdin permezz tagħha wkoll ngħinu biex din iz-zona tal-Belt terġa’ tieħu l-ħajja.”
Is-sindku Belti, Alfred Zammit stqarr li din hija koppla ikonika u li hija parti mir-reklam tal-Belt. Dan minħabba li l-isbuħija tal-koppla tkompli tiġbed in-nies lejn il-kapitali.
“Din il-koppla hija ikona llum marbuta mal-Belt Valletta, taraha fuq il-‘cards’, taraha f’kull ritratt, taraha f’kull stampa tal-Belt Valletta. Aħna l-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu hija għal qalbna ħafna, kif huma għal qalbna l-festi kollha tal-Belt, u lqajna bi pjaċir l-aħbar li kienet ħarġet il-GHRC u llum kważi wasalna fil-final biex il-koppla issa ħa tinxtgħel b’mod professjonali u ħa tidher mill-isbaħ naturalment, mill-inħawi ta’ tas-Sliema u inħawi oħra madwar Malta.” Stqarr Zammit.
Il-Ministru Ian Borg li segwa x-xogħlijiet li qed isiru, stqarr li dan il-proġett sar mill-fondi nazzjonali.
Innota kif dan huwa parti minn proġett sħiħ ta’ seba’ mitt elf ewro li ser jara l-installazzjoni tad-dwal fuq it-tlett koppli differenti fil-Belt.