Nhar il-Ħadd 5 ta’ Frar saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess (MCF). Waqt din il-laqgħa ġie iffurmat il-kunsill il-ġdid li se jkun qiegħed jaħdem għall-erba’ snin li jmiss.
Duncan Vella ġie elett bħala President, filwaqt li Noel Grima se jkun Viċi-President. Jake Darmanin intgħażel bħala s-Segretarju Ġenerali ġdid u Nina Thornton bħala Teżoriera. Geoffrey Borg huwa d-delegat uffiċjali għal FIDE filwaqt li Jamie Farrugia, Ron Sammut u Robert Novak ġew eletti bħala membri.
Għall-AGM attenda wkoll is-Sur Kevin Azzopardi, is-segretarju ġenerali tal-MOC (Il-Kumitat Olimpiku Malti). Waqt il-laqgħa, Geoffrey Borġ wassal l-aħħar messaġġ tiegħu bħala President tal-Kunsill, li fih ħadem qatiegħ tul dawn l-aħħar għoxrin sena. Huwa iddeskriva l-vjaġġ li fih l-MCF irnexxielha tikseb suċċessi kbar, u li issa, bi pjaċir jinnota li l-klabb jinsab f’pożizzjoni finanzjarja stabbli. Is-Sur Borg wiegħed li ser ikompli jaħdem mal-Kunsill preżenti, sabiex issa jiffoka iktar fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-MCF.
Duncan Vella spjega ftit il-preparazzjonijiet li bdew jiddaħħlu fis-seħħ biex tiġi ċċelebrata l-100 sena anniversarju tal-MCF. Din il-ġurnata ser tiġi iċċelebrata uffiċċjalment nhar it-12 t’Awwissu 2023. Ix-xogħol tal-Kunsill beda b’mod immedjat hekk kif it-Tnejn 6 ta’ Frar tiftaħ l-ewwel fażi tal-Kampjonat nazzjonali taċ-Ċess – il-fażi tal-Preliminarji. It-turnew huwa maqsum fuq seba’ logħbiet li se jintlagħbu kull nhar ta’ Tnejn u Ħamis sas-27 ta’ Frar. Nhar il-Ħadd 12 ta’ Frar, ser jiġi organizzat ukoll Taster Tournament ieħor immirat għal studenti tal-iskejjel Sekondarji. Bħalissa ukoll, għaddejjin ġmielhom il-preparamenti għal-kampjonat nazzjonali tal-Juniors li ser jseħħ f’Marzu li ġej.