Il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport, u l-eks Champion Ewropew tat-Top Fuel Dragster Drag Racing, Duncan Micallef, jinsab Santa Pod l-Ingilterra biex jieħu sehem fil-Main Event, li huwa l-ewwel rawnd tal-Kampjonat Ewropew tad-Drag Racing. Kampjonat kemm għall-muturi kif ukoll għall-karozzi.
Wara l-presenza Maltija tal-Ġimgħa li għaddiet f’Santa Pod minn Zoqdi Racing Team, fejn permezz tas-sewwieq tagħhom Gary Camilleri u l-Escort tagħhom, rebħu l-Klassi 6-cylinder, issa imiss lil Duncan Micallef fil-Klassi Top Fuel Dragster.
Il-Klassi ta’ Micallef, l-aktar Klassi sinifikanti fil-kampjonat, se tkun komposta minn 6 sewwieqa, Susanne Callin u Dennis Nilsson mill-Isvezja, Jndia Erbacher mill-Isvizzera, Ida Zetterstrom minn Aland, reġjun fil-Finlandja, u Stig Neergaard mid-Danimarka.