Il-frodist Duncan Buttigieg kellu s-sentenza ta’ 30 xahar ħabsa imnaqqsa għal sitt xhur wara li l-Qorti sabet li minkejja li kkometta frodi, ma kienx ħati li għamel ammont ta’ flus b’mod inġust.
Buttigieg kien iffroda mat-€3,400 minn persuna wara li qal li kellu bżonn jagħmel operazzjoni fl-irkoppa fi sptar privat. L-akkużat kien ammetta li kkometta dan u ġie kkundannat 30 xahar ħabs, iżda appella mis-sentenza.
Lura fl-2015, Buttigieg kien ikkundannt 9 snin priġunerija wara li ammetta li ffroda mal-100 persuna aktar minn €120,000 f’taparsi depożiti għal karozzi impurtati mill-Ingilterra. Karozzi li qatt ma waslu għand il-klijenti. Sena wara kien instab li l-akkużat uża ċekk falz biex jixtri arloġġ tad-ditta, u kien weħel 6 snin ħabs.
Iżda l-Qorti Kriminali nnutat li ma kienx hemm provi biżżejjed biex Buttigieg ikun ikkundannat talli allegatament ‘sar sinjur’ b’mod inġust. Għalhekk din il-Qorti naqqset is-sentenza ta’ Buttigieg għal 6 xhur priġunerija, fosthom anke minħabba l-fatt li tibdil fil-liġi issa tippermetti dan. L-akkużat kien ordnat irodd it-€3,400 lura fi żmien 3 snin.