Tul il-jum tal-Ġimgħa, il-fundatur tal-Caritas Malta, il-Monsinjur Victor Grech, ingħata l-qima mill-pubbliku fil-Kappella taċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas, fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Kien għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħodu x’ħin il-korteo funebri ħalla l-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei fil-preżenza tal-qraba tal-Monsinjur Grech.
Minn hemmhekk, il-korteo telaq lejn iċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas fejn ġie milqugħ minn ċapċipa twila mill-ħaddiema, il-voluntieri, ir-residenti attwali u oħrajn li gawdew mis-servizzi tal-Caritas fil-passat.
Ħdejn il-Kappella ta’ San Blas, residenti taċ-ċentru ġarrew it-tebut ta’ Dun Victor. Mument emozzjonanti x’ħin ir-residenti, imbikkmin, għollew it-tebut waqt mument ta’ talb mill-Monsinjur Charles Cordina.
It-tebut, imbagħad, iddaħħal fil-Kappella ta’ San Blas, fejn kien espost għall-pubbliku. Kappella, li kienet tant għal qalbu, fejn mhux biss kien iqaddes fiha, iżda min jaf kemm tkellem u ta pariri lir-residenti fiha.
Bosta persuni taw qima lil Dun Victor Grech, waqt li wkoll iffirmaw il-ktieb tal-kondoljanzi fejn il-binja ta’ San Blas qatt ma kienet miftuħa għall-pubbliku daqskemm kienet f’dan il-jum tal-Ġimgħa.
ONE News tkellem mad-Direttur attwali tal-Caritas, Anthony Gatt.
“Dun Victor huwa fjamma kbira ta’ mħabba, ta’ riflessjoni, tal-imħabba ta’ Alla għall-poplu tiegħu. Jiġifieri , naħseb jiena xempju tal-imħabba, kull min miss miegħu: residenti, klijenti, ħaddiema, voluntieri. Dun Victor ħa jibqa’ magħna fl-ispirtu, f’kull rokna ta’ San Blas, f’kull rokna tal-Caritas u hu għalina hu unur kbir li l-istat għoġbu jagħtih dan il-funeral tant għażiż.”
Anthony Gatt – Direttur, Caritas
Tkellimna wkoll ma’ Gatt, dwar x’jaħsbu r-residenti dwar il-Monsinjur Victor Grech u anke dwar l-aħħar mumenti ta’ ħajtu.
“Jużaw kliem bħal qaddis, missier. Naħseb dawk huma l-iktar żewġ kelmiet komuni li nisma’, anke fl-aħħar ta’ mewtu, jiġifieri f’dawn l-aħħar ġimagħtejn li kien Mater Dei, fit-tbatija, f’agonija, imma xtaq li dawn il-visti mar-residenti u tarah kien luċidu u kien ċar, avolja kien qed ibati u meta jiltaqa’ magħna, jiġifieri wiċċu jixgħel bit-telf. Jiġbidna lejh, jagħmel talba għalina, iberkna, jgħidilna l-kelma ‘inħobbok’. Jien sal-lejliet meta mort narah, qalli ‘inħobbok Anthony’, ‘Alla jħobbok’. Staqsini wkoll, dejjem jistaqsini, fuq il-Caritas, jgħidli tajjeb sejrin. Naħseb kien ħafna kuntent u sodisfatt li jista’ jistrieħ fis-sliem, li ta ħajja mill-isbaħ.”
Anthony Gatt – Direttur, Caritas
Il-funeral tal-Monsinjur Victor Grech se jiġi organizzat mill-Istat, is-Sibt bil-korteo jitlaq minn San Blas għall-ħabta tad-9:15 ta’ filgħodu, waqt li l-quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann se ssir fl-10:30.
Fl-istess ħin, ONE se jxandar programm speċjali li se jibda għall-ħabta tad-disgħa neqsin għaxra ta’ filgħodu.