Dun Rene Camilleri, figura ewlenija fl-Arċidjoċesi ta’ Malta rriżenja mill-kariga ta’ Vigarju Episkopoali għall-Evanġelizzazzjoni.
Huwa kien inħatar f’din il-kariga mill-Arċisqof Charles J.Scicluna.
Ikkuntattatjat minn one.com.mt, Dun Camilleri kkonferma li ta r-riżenja tiegħu. Qal li huwa kien ilu fil-kariga għal dawn l-aħħar snin u ħass li kellu jirriżenja għal raġunijiet personali. Madankollu saċerdoti li tkellmu magħna sostnew li r-riżenja ta’ Dun Camilleri tmur lil hinn minn dawn ir-raġunijiet. Żiedu jgħidu li hija stramba ħafna li l-Kurja għażlet li żżomm ir-riżenja tiegħu moħbija.
Tul is-snin li serva fl-Arċidjoċesi, Dun Rene Camilleri semma leħnu diversi drabi dwar pożizzjonijiet kontroversjali li ħadet il-Knisja f’Malta. Fost oħrajn meta ċanfret lil Fr Mark Montebello meta bierek iċ-ċrieket ta’ koppja gay.
Dun Rene Camilleri kien kwotat jgħid li l-Knisja ma tistax ma tirrikonoxxix żwieġ bejn koppji gay, u lanqas tirrifjuta milli tgħammed trabi li jkunu adottaw.