Il-Kappillan ta’ Marsaxlokk Luke Seguna ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tiegħu li qed jiġi akkużat li ffroda madwar ħames mitt elf wro mogħtija lilu minn 150 parruċċan; akkużi li hu qed jiċħad kategorikament.
Fil-bidu tas-seduta tal-lum, id-difiża talbet ukoll li ċerti xhieda jinstemgħu bil-magħluq.
Din it-talba ma qabilx magħha l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li qal li l-prinċipju tal-ġustizzja m’għandux jillimita r-rappurtaġġ tal-ġurnalisti.
F’ħin minnhom, Dun Seguna nstema’ jgħid li ħajtu spiċċat, bl-Avukat tiegħu jagħmel referenza għal din l-istqarrija waqt li qed jispjega kif l-impatt li l-każ ħalla fuq il-qassis.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ċaħdet it-talba biex dan il-każ jinstema’ fil-magħluq.
Ċaħdet ukoll it-talba biex ix-xhieda jagħtu t-testimonjanza tagħhom permezz ta’ kollegamenti bil-vidjow.
Fil-Qorti, l-avukat Stefano Filletti, li qed jirrappreżenta lill-Kurja Arċivesovili bħala parte civile, talab biex il-Kurja tidħol parti mill-kawża għax sfat vittma tal-allegati azzjonijiet. Id-difiża oġġezzjonat għal din it-talba li, iżda, intlaqgħet mill-Qorti.
Fuq il-pedana tax-xhieda, tela’ s-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, Michael Pace Ross, li spjega li Dun Seguna ilu Kappillan ta’ Marsaxlokk mill-2016, u qabel kien serva fil-parroċċi ta’ Ħaż-Żabbar, taż-Żejtun, u tar-Rabat.
Pace Ross xehed ukoll li d-donazzjonijiet għall-quddies jitpoġġew fil-kont bankarju tal-parroċċa, u mhux f’xi kont personali.
Huwa żied jgħid li Kappillan għandu permess li jagħmel sejħa għad-donazzjonijiet għal xi proġett, iżda dan irid ikollu l-permess tal-Arċisqof.
Qal ukoll li hu mhux f’pożizzjoni li jgħid jekk Dun Seguna kellux xi proġetti mingħajr il-permess tal-Kurja.
Ix-xhud qal ukoll li, fl-2016, Dun Seguna ngħata self ta’ €10,000 biex ikun jista jixti karozza; ammont li kien ħallsu lura.
Huwa żied jgħid li, fl-2021, Dun Seguna ngħata wkoll self biex jixtri garaxx f’Raħal Ġdid, liema self għadu qed jiġi mħallas.
Fis-seduta tal-lum xehdu wkoll rappreżentanti minn banek differenti fosthom l-APS, l-HSBC, u l-Bank of Valletta, li ppreżentaw fil-Qorti dokumenti tal-kontijiet bankarji ta’ Dun Luke Seguna.
Wara, kien imiss li jieħdu l-ġurament tax-xhieda bosta nies ċivili.
Diversi parruċċani xehdu dwar id-donazzjonijiet li taw lil Dun Seguna biex jużahom kif xtaq għax jafdawh u għax kien jagħmel ħafna ġid.
Uħud saħqu li taw il-flus lilu u mhux lill-parroċċa jew lill-Knisja.
Fi tmiem il-maratona ta’ xhieda, l-avukati difensuri talbu għall-ħelsien mill-arrest – talba li ġiet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni għax qalet li għad baqa’ xhieda oħra x’jitilgħu.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, li qed tisma’ l-provi, laqgħet it-talba u ħelset lil Dun Seguna mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ għoxrin elf ewro u garanzija personali ta’ tletin elf ewro.
Huwa obbligat joqgħod fid-dar tal-ġenituri tiegħu u ma jistax jersaq lejn Marsaxlokk.