Id-Djoċesi Għawdxija ħabbret numru ta’ tibdiliet u karigi ġodda fosthom, fit-tmexxija tal-parroċċi tal-Għasri u n-Nadur.
Fi stqarrija l-Uffiċċju Veskovili ta’ Għawdex ħabbar li Dun Krystof Buttigieg mill-Qala Għawdex se jservi ta’ Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur, dan filwaqt li Dun Edward Vella mill-Għarb se jkun il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur, l-Għasri.
Ħidmiet ġodda oħra fuq livell Djoċesan li ġew imħabbra fil-jum tal-Ġimgħa, l-għada tal-festa ta’ Santa Marija,se jaraw lil Dun Geoffrey Attard jinħatar bħala Kollaboratur fil-kura pastorali tad-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, Għajnsielem; lil Dun Giovanni Curmi jservi ta’ Segretarju tal-Viżta Pastorali matul is-sena li ġejja; lil Mons. Giovanni Cremona bħala Rettur tal-Kappella tal-Lunzjata, limiti tal-Belt Victoria, lil-Kanoniku Michael Mifsud bħala Kollaboratur fil-Parroċċa ta’ San Lawrenz, f’San Lawrenz; Lil Dun Joe Said, bħala Kappillan fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u Rettur tal-Komunità ta’ Ġesù Nazzarenu, fix-Xagħra, lil Mons. Jimmy Xerri, bħala Delegat tal-Isqof għad-Djakonija; u lil-Kan. Michael Xuereb, bħala Delegat tal-Isqof għall-Persuni tat-Terza età.
Dan fiwaqt li l-Patrijiet tal-Komunità Agostinjana u tal-Komunità Franġiskana Kappuċċina se jkollhom f’idejhom l-għajnuna fil-kura pastorali tad-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, Għajnsielem.
Dawn il-ministeri fid-Djoċesi ta’ Għawdex fost oħrajn se jidħlu fis-seħħ is-Sibt, 14 ta’ Settembru li ġej nhar il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes.
Fi stqarrija l-Kura Għawdxija qalet kif il-komunitajiet kollha huma mħeġġa sabiex matul dawn il-ġimgħat isir mument ta’ talb kemm fil-parroċċi u kemm fil-familji għal dawn ħutna.